Iċ-ċentri tas-saħħa se jiddeċiedu l-ordni tat-trattament – Fearne

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li waħda mill-miżuri li se jidħlu fis-seħħ din il-ġimgħa hija li ċ-ċentri tas-saħħa se jkunu qed jiddeċiedu l-ordni tat-trattemtn tal-persuni li jmorru hemm.

Fearne kien qed jindirizza attività politika tal-Partit Laburista fejn ħabbar numru ta’ miżuri li se jittieħdu din il-ġimgħa b’rabta mal-virus il-ġdid li issa qed jaffettwa madwar 100 pajjiż madwar id-dinja.

Is-Sibt, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li f’Malta hawn tliet individwi li nstab li għandhom il-coronavirus. Il-familja kienet marret btala lejn l-Italja u wara li ġiet lura Malta bdiet kwarantina volontarja f’darha. Dan sakemm żviluppaw sintomi assoċjati mal-virus. Il-familja mbagħad ġiet trasferita lejn l-Isptar Mater Dei u baqgħet tinżamm f’iżolament. Il-ġenituri u t-tifla qed jirkupraw u jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba.

Propju mil-lum, se jidħlu fis-seħħ miżuri preventivi ġodda fiċ-ċentri tas-saħħa. Issa qabel ma persuna tidħol fejn pazjenti oħrajn, se jkun hemm paramediċi li jikkalkolaw il-grad ta’ urġenza u jiddeċiedu f’liema ordni għandu jingħata t-trattament.

Intant, in-numru ta’ kmamar ta’ iżolament fl-Infectious Disease Unit fl-Isptar Mater Dei kien ta’ erba’. Filwaqt li qabel kien hemm biss żewġt ikmamar, in-numru tela’ għal erba’ meta l-awtoritajiet kienu bdew jipprparaw f’każ ta’ pandemija tal-Ebola xi snin ilu. Wara t-tixrid tal-coronavirus, COVID-2019, f’diversi pajjiż, l-awtoritajiet tas-saħħa żiedu n-numru ta’ kmamar ta’ iżolament għal tmintax. Dan qalu l-Ministru Fearne.

“Dan għaliex il-coronavirus huwa ħafna iktar infettiv mill-Ebola, minkejja li l-Ebola taħsad aktar ħajjiet,” qal Fearne.

Il-kmamar ta’ iżolament jinsabu fid-Dipartiment tal-Emerġenza u fl-Intensive Therapy Unit. Fearne qal ukoll li n-numru ta’ sodod fl-ITU se jkunu qed jiżdiedu.

Sptar ieħor barra l-Isptar Mater Dei

Il-Gvern għandu wkoll sptar ieħor barra l-Isptar Mater Dei. Mingħajr ma żvela l-post ta’ fejn qed isir dan, Fearne qal li l-isptar tbattal u ġie attrezzat biex ikun kontra l-coronavirus. Hemm 12-il sodda f’dan il-post.

Apparti minn hekk, il-gvern qed jatrezza l-Isptar Boffa b’madwar 60 sodda f’każ ta’ epidemija. “Mhux qed nantiċipaw li se nagħmlu użu minn dawn is-sodod kollha. Imma qed nippreparaw irwieħna f’każ li jkollha tiġri. Il-preparazzjoni hija importanti,” qal Fearne.

Aktar testijiet

It-testijiet żdiedu, qal Fearn. Hu rrefera għal testing hub li se jiġi mniedi fil-jiem li ġejjin. Il-binja fejn se jkun qed isir dan hijja iżolata. Fearne fakkar ukoll dwar in-numru 111, il-helpline il-ġdid dwar il-coronavirus. Dawk li jaħsbu li għandhom sintomi relatati mal-virus għandhom iċemplu fuq din il-linja. It-tobba mbagħad iżuru r-residenza tal-persuni fejn jagħmlu t-testijiet għall-virus.