Filmat: Iċ-ċekkijiet issa jistgħu jiġu depożitati minn persuni terzi – Bank Ċentrali

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ direttiva ġdida dwar miżuri li jikkonċernaw iċ-ċekkijiet fejn fost l-oħrajn se jippermettu li l-persuni li ma jistgħux iżuru fergħat tal-banek jew fornituri ta’ servizzi finanzjarji jkunu jistgħu jiddepożitaw ċekk permezz ta’ persuni terzi.

Dan ħareġ fi stqarrija wara l-ħruġ tal-avviż tal-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa sabiex in-nies jibqgħu ġewwa. Il‑miżuri ġew introdotti wara konsultazzjoni mal‑banek kummerċjali bħala miżura temporanja matul ir‑restrizzjonijiet tal-pandemija attwali u se jidħlu fis‑seħħ minn għada, is‑26 ta’ Marzu 2020.

Ġie spjegat li d‑Direttiva Nru 17 hija mmirata biex iżżomm is‑servizzi bankarji essenzjali għall‑ħajja tal‑komunità. Il‑miżuri jispjegaw is‑servizzi minimi li għandhom jiġu pprovduti mill‑banek u mill‑istituzzjonijiet finanzjarji. L‑aktar bidla importanti taffettwa l‑użu ta’ ċekkijiet li ma jirrikjedux aktar depożitu dirett mill‑benefiċjarju. Mis‑26 ta’ Marzu, dawk iċ‑ċekkijiet immarkati bħala “only” għall‑użu tal‑benefiċjarju, sakemm jinħareġ avviż ieħor, jistgħu jiġu ddepożitati minn parti terza afdata mill‑benefiċjarju.

Dan jista’ jsir f’żewġ modi:

  • Il‑benefiċjarju jista’ jagħti struzzjonijiet lill‑persuna fdata minnu sabiex tiddepożita dirett fil‑kont bankarju tal‑benefiċjarju.
  • Il‑benefiċjarju jista’ wkoll jagħti struzzjonijiet lill‑persuna fdata minnu sabiex tiddepożita fil‑kont bankarju tal‑persuna fdata minnu stess – preferibbilment permezz ta’ ATM – u mbagħad tagħti lill‑benefiċjarju l‑ammont fi flus kontanti. Dan ikun ta’ għajnuna b’mod partikolari għal dawk il‑benefiċjarji li m’għandhomx kont bankarju.

Il-Bank Ċentrali qal li dawn il‑miżuri huma mmirati biex jgħinu lil dawk il‑persuni li jew ma jistgħux joħorġu minn djarhom, jew ingħataw l‑istruzzjonijiet sabiex ma joħorġux minn djarhom mill‑awtoritajiet tas‑saħħa. Bażikament, id‑Direttiva tipprovdi rimedju għal sezzjoni tal‑popolazzjoni li se tirċievi l‑benefiċċji tagħhom tas‑sigurtà soċjali, inkluża l‑pensjoni, fil‑forma ta’ ċekk mill‑Gvern.

Intant, id‑Direttiva l‑ġdida tikkonsidra wkoll it‑tħassib tal‑banek kummerċjali dwar is‑saħħa tal‑impjegati tagħhom, u tenfasizza dwar l‑użu tal‑ATMs sabiex jitnaqqas in‑numru tal‑persuni li jinqdew bis‑servizzi over‑the‑counter. Intqal ukoll li peress li jista’ jkun li l‑banek ikunu qegħdin joperaw b’riżorsi limitati, l‑ammont ta’ żmien meħud sabiex jiġu kklirjati ċ‑ċekkijiet u l‑kambjali ġie estiż temporanjament minn tlett ijiem għal massimu ta’ sitt ijiem, filwaqt li ċ‑ċiklu tal‑ħlas ta’ depożiti fi flus kontanti jista’ jieħu tlett ijiem.

Sabiex jitnaqqas in‑numru ta’ klijenti fil‑fergħat, il‑banek kollha huma awtorizzati li jirrestrinġu l‑ġbid tal‑flus kontanti over‑the‑counter minn kont ta’ depożitu assoċjat ma’ kard ta’ pagament biss jekk l‑ammont jaqbeż il‑€500.

Sadattant, il‑banek u l‑istituzzjonijiet finanzjarji jridu jipprovdu servizzi ta’ depożiti ta’ flus kontanti over‑the‑counter għal dawk il‑klijenti kollha li m’għandhomx aċċess alternattiv ieħor bħall‑ATMs. Madankollu, il‑klijenti f’din il‑kategorija qed jintlabu li jingħataw aċċess għal alternattivi bħal dawn offruti mill‑komunità tas‑servizzi finanzjarji.

Il‑banek ukoll żiedu l‑limiti għal €50 għal‑kards mingħajr kuntatt bla awtentikazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn