“Iċ-ċekk agħtuh lill-karità bħala protesta” – In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili

Read in English.

In-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qed jappella lil dawk favur il-governanza tajba biex minflok jaċċettaw iċ-ċekk tal-Gvern, jagħtuh donazzjoni lill-karità bħala protesta.

Il-Gvern ħabbar din il-ġimgħa li se jibgħat ċekk ta’ €15 jew €35 ta’ darba lil kull familja f’Malta, bħala kumpens għal xi żidiet li kien hemm fil-prodotti.

Fi stqarrija, in-Netwerk qal li ċ-ċekkijiet, “filwaqt li jistgħu jiswew ta’ ġid għal xi wħud fil-ġejjieni viċin, fil-verità m’huma se jħallu ebda impatt siewi. Ninnotaw illi kien ikun aktar ta’ ġid li kieku l-Gvern uża l-ammont ekwivalenti biex jinvestih fis-soċjetà biex jeqred l-inugwaljanza u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja.”

Skont in-Netwerk, “il-Gvern donnu jippreferi joħroġ ċekkijiet ta’ darba ta’ ammonti żgħar biex jidher ħelu mal-poplu.” In-Netwerk saħaq li hemm azzjonijiet aktar għaqlin minn hekk li jista’ jieħu l-Gvern.