Iċ-Ċaqqufa lura minn għada

In-nanna Karla (Veronica Farrugia) iġġebbed lil Rożina, iċ-Ċaqqufa (Geordie Schembri)

Minn għada t-Tnejn 27 ta’ April fuq TVM fid-8.50pm tasal lura s-sensiela Iċ-Ċaqqufa. Hija sensiela li oriġinarjament bdiet tintwera fl-2014 u kisbet suċċessi kbar.

Is-sensiela tlaqqagħna ma’ bosta karattri interessanti li jagħmlu din is-sensiela bħala waħda mill-aktar popolari f’dawn l-aħħar snin.

Għal ħafna nies dan se jkun ċans biex jerġa’ jsegwi l-istorja ta’ Rose/Rożina. Għal oħrajn din hija opportunità biex isegwi għall-ewwel darba din l-istorja.

Veronica Farrugia tinterpreta lin-nanna Karla. Żgur li din kienet waħda mill-partijiet l-aktar impenjattivi li Veronica qatt interpretat fil-karriera tagħha. Karla hi mara bla skrupli. Issellef il-flus fuq l-idejn u wara tieħu dak li hu tagħha bl-imgħax. Ħadd u xejn ma jsifidaha… aħseb u ara biċċa ta’ Ċaqqufa!

Paul Caruana huwa Ninu, ir-raġel ta’ Karla. Għandu biża’ kbira minn martu u jagħlaq għajnejh għal kważi kollox. Għax meta jipprova jirraġuna ma’ martu dejjem jispiċċa minn taħt.

Manuel Cutajar hu Salvu, it-tifel il-kbir ta’ Karla u Ninu. Għażżien aktar milli beżżiegħ għax forsi komdu jgħix ma’ ommu. Jipprova ma jmurx kontra l-kelma ta’ ommu għax jaf li hu jispiċċa biex imur minn taħt.

Elizabeth Ellul Hawes hi Benna, il-mara ta’ Salvu, li lil Karla tipprova tieqfilha kemm il-darba. Iżda ovvjament dan ifisser li ż-żewġ nisa ma jarawx għajn m’għajn.

Rożina żgħira hi interpretata minn Geordie Schembri. Rożina hija ċ-Ċaqqufa, li tispiċċa biex tgħaddi minn ħafna minħabba fil-kattiverija tan-nanna Karla. Rożina żagħżugħa hija interpretata minn Chanelle Bonaci u finalment Rożina l-Kbira tinterpretaha Lara Azzopardi.

Nena hija interpretata minn Theresa Gauci. Hija tgħix ukoll fil-kerrejja. Nena hija l-ħabiba ta’ Benna u m’għandhiex grazzja ma’ Karla. U bir-raġun! Għax Karla għandha relazzjoni intima ma’ żewġha Pawlu (Joe Farrugia, id-Dulli).

Ma dawn jingħaqdu atturi oħra fosthom Ġorġ Peresso fil-parti ta’ Dun Manuel.

Iċ-Ċaqqufa

Iċ-Ċaqqufa għandha kitba ta’ Frederick Zammit fuq idea ta’ Pierre Portelli, u produzzjoni ta’ Watermelon Media.