Iċ-Ċaqnu jgħid li mhux ħati wara li tigra ħatfet tifel

Carmel Polidano, magħruf aħjar bħala ċ-Ċaqnu, wieġeb mhux ħati waqt li deher fil-qorti akkużat b’negliġenza wara li tigra, fiż-zoo ta’ Montekristo, kienet attakkat tifel ta’ ħames snin.
Il-każ kien seħħ f’Novembru tal-2015, meta t-tifel irnexxielu jersaq viċin wisq ta’ tigra li kienet marbuta b’ċinga u li kienet għamlet għalih u girfitu f’wiċċu.
It-tifel kien iddaħħal b’urġenza l-isptar fejn kienet saritlu operazzjoni.
Fil-Qorti, Polidano kien akkużat ukoll li fetaħ dan iż-zoo mingħajr liċenzja u li qed iżomm annimali eżotiċi li mhux suppost jinżammu f’Malta.
Iċ-Ċaqnu kien akkużat ukoll li sar reċediv.
Apparti Polidano, ġew akkużati wkoll żewġ persuni li dak il-ħin kienu responsabbli mit-tigra. Huwa wieġbu mhux ħatja ta’ negliġenza.
Il-każ, li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, se jkompli fl-10 ta’ Ottubru.