“Ibqgħu sodi u tħossukomx intimidati” – MUMN lill-infermiera

“Ibqgħu sodi u tkunux intimidati.” Dan kien il-messaġġ li l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) tat lill-infermiera membri tagħha jum qabel jidħlu fis-seħħ direttivi ġodda. L-Unjin appellat lill-membri tagħha biex iżommu sodi u ma jċedux.

Din it-tilwima bdiet mill-fatt li l-infermiera baqgħu ma ħadux il-leave tal-festi pubbliċi dovut lilhom. Dan ma kienx l-uniku dritt li ma gawdewx minnu, għaliex minkejja diskussjonijiet mal-Gvern, ma ngħatawx id-dritt li jirtiraw kmieni, u lanqas ma ntlaħaq kompromess dwar iż-żieda fl-allowances mitluba.

Skont is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN, hawn nuqqas ta’ 550 infermier li jaffettwa mhux ftit lis-servizz mogħti, pereżempju fl-Isptar Monte Karmeli fejn ma jkunx hemm biżżejjed infermiera biex jassistu lill-pazjenti.

3 laqgħat f’4 ijiem

L-MUMN qalet li minkejja illi f’dawn l-aħħar erbat ijiem saru tliet laqgħat, ftit li xejn għamlu progress. Il-ftit li sar ma jiġġustifikax illi l-Unjin tirtira d-direttivi li kienet ħabbret xi jiem ilu. Hija qalet li lesta biss li tiffirma l-ftehim mal-Gvern jekk tkun ċerta li t-talbiet li qed tagħmel se jintlaqgħu mill-Gvern.

Tagħmlux ix-xoghol tal-infermiera – Il-GWU

Il-General Workers’ Union irreaġixxiet għad-direttivi tal-MUMN billi ordnat lin-Nursing Aides li huma membri tagħha biex ma jaċċettawx li jagħmlu xogħol l-infermiera.

Il-GWU qaltilhom li xogħol li s-soltu jsir minnhom taħt superviżjoni ta’ infermier jista’ jibqa’ jsir ġaladarba jkun hemm preżenti professjonist ieħor.