Ibqgħu ħielsa mill-iskjavitù tal-flus

Papa Franġisku ħeġġeġ grupp ta’ studenti Franċiżi li qed jistudjaw fil-qasam tal-Kummerċ u l-Finanzi, biex jibqgħu ħielsa mill-iskjavitù tal-flus u ma jħallux il-flus jagħmmxulhom għajnejhom.
L-istudenti, li ġejjin mill-iskola famuża Franċiża Institution des Chartreux ta’ Lyson, jinsabu Ruma fuq żjara kulturali u spiritwali u kellhom udjenza mal-Papa fil-Vatikan.
Wara li tahom merħba, il-Papa qal lil dawn l-istudenti li huma kienu qed jippreparaw biex jidħlu fl-iskejjel tal-Kummerċ u l-Finanzi biex meta jasal iż-żmien jkunu jistgħu jeżerċitaw professjoni fid-dinja finanzjarja.
Qal li bi pjaċir innota li l-formazzjoni akkademika tagħhom tinkludi wkoll dimensjoni qawwija umana, filosofika u spiritwali.
“Hu essenzjali li minn issa u fil-ħajja professjonali futur tagħkom, ma tħallux il-flus jgħammxukom u ma taqgħux skjavi tal-flus li jonsbu lil min jadurahom. Hu importanti wkoll li mil-lum ikollkom il-kuraġġ u s-saħħa li ma tobdux b’għajnejkom magħluqa l-forzi tas-suq. Għalhekk nistedinkom li tieħdu vantaġġ minn dan iż-żmien ta’ studju biex tkunu promuturi u difensuri ta’ żvilupp fl-ugwaljanza, artiġġjani ta’ amminisrazzjoni ġusta tal-ġid komuni fid-dinja”, appella l-Papa Franġisku lil dawn l-istudenti.
“F’Ruma se tesperjenzaw l-istorja li mmarkat il-qawmien tal-pajjiżi Ewropej. Filwaqt li tammiraw il-ġenju tal-bniedem u dak li rnexxielu jibni bit-tamiet tiegħu, kunu ċerti li intom ukoll tħallu l-marka  tagħkom fl-istorja. Intom kapaċi tiddeċiedu l-futur tagħkom. Għalhekk inħeġġiġkom biex tkunu responsabbli għall-ħajja ta’ kull bniedem fid-dinja”, żied jgħid il-Papa lil dawn l-istudenti.
“Tinsew qatt li kull inġustizzja li ssir kontra l-fqir hi ferita miftuħa u tnaqqas mid-dinjità tal-persuna. U anke jekk id-dinja tixprunakom lejn is-suċċess, sibu l-ħin u l-mezzi biex timxu fit-triq tal-ftaternità, ibnu pontijiet flok ħitan bejn il-bnedmin u agħtu s-sehem tagħkom fil-bini ta’ soċjetà ġusta u umana”, ħeġġiġhom il-Papa.
Lil dawk fost l-istudenti li huma Nsara, il-Papa stedinhom biex jibqgħu dejjem magħquda m’Alla fit-talb u jħallu kollox f’idejh biex hekk ma jaqgħux għat-tentazzjoni tad-disperazzjoni. Lil dawk li mhumiex Insara l-Papa qalilhom biex ma jinsewx li l-bniedem jittraxxendi l-bniedem u inkoraġġihom biex jaħdmu għall-ġid u jkunu żerriegħa f’dinja ġdida.