“Ibqgħu attakkaw il-kaċċa u nisparalkom” – kaċċatur lill-attivisti

Wara li lbieraħ bdew petizzjoni kontra l-kaċċa persuna kkuntattjat lil Animal Liberation Malta permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook, theddidhom biex jieqfu jiġġieldu kontra l-kaċċa għax jekk le jisparalhom.

Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għal Animal Liberation Malta insista li mhux se jiġu intimidati minn theddid u atti tat-tip. Sostnew li jinsabu ċerti li l-Gvern se jipproteġi d-dritt li jitkellmu dwar dak li jemmnu fih u dwar dak li skonthom għandu jingħad u jsir.

Fil-messaġġ li rċevew fuq Facebook, il-persuna partikolari bdiet billi użat kliem diżpreġjattiv sabiex tiskredita x-xogħol li qed jagħmlu. Il-persuna rrimarkat li xebgħat bl-attakki fuq il-kaċċaturi u dawk kollha li “joqgħodu wara screen” jippruvaw iwaqqfu d-delizzju tal-kaċċaturi. L-aħħar messaġġ li ntbagħat kien ukoll wieħed razzist li insista li issa jibdew jisparaw fuq in-nies u semmew ukoll li dan minħabba l-Għarab li qed jgħixu Malta. Il-messaġġ intemm jgħid li jekk jisparaw fuq l-attivisti ta’ Animal Liberation Malta ikun isbaħ.

Il-kelliem għal Animal Liberation Malta qal li ma jistax jemmen li fis-seklu 21, il-ħelsien tal-kelma tintlaqa’ minn theddid ta’ vjolenza u rabja ta’ dan it-tip. Irrimarka li xejn m’hu se jwaqqaf id-dritt legali tagħhom li jesprimu dak li jaħsbu dwar delizju li jaħsad il-ħajja ta’ eluf ta’ għasafar innoċenti.

Ilbieraħ, l-għaqda ħarġet petizzjoni sabiex ma jinfetaħx l-istaġun tal-kaċċa li jmiss, li għandu jibda nar is-Sibt 1 ta’ Settembru. Sostnew li Malta huwa post importanti fil-passa tal-għasafar għax dawn jieqfu hawn sabiex jieklu u jistrieħu qabel ma jkomplu l-vjaġġ tagħhom.

Animal Liberation Malta rrimarkat li aktar minn 100,000 għasfur se jinqatlu mill-madwar 15,000 kaċċatur irreġistrat f’Malta. Insistew li Malta għandha l-akbar numru ta’ kaċċaturi per capita fl-Ewropa.

F’madwar 24 siegħa, aktar minn 6,300 persuna ffirmat il-petizzjoni. Huma qed jimmiraw li jilħqu il-50,000 firma.