“Ibgħat iż-żewġ proposti u ħalli l-Kummissjoni Venezja tiddeċiedi” – Chris Said

Arkivji

Id-deputat Nazzjonalista Chris Said ippropona lill-Gvern biex jibgħat iż-żewġ proposti għall-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija lill-Kummissjoni Venezja u tiddeċiedi din tal-aħħar liema hi l-aħjar waħda.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-abbozz tal-liġi li jemenda l-att dwar il-pulizija, id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern filwaqt li f’ċertu aspetti qed jimxi mar-rapport tal-Kummissjoni Venezja, f’aspetti oħra qed jinjora rakkomandazzjonijiet oħra bħal kritika li saret dwar ħatriet jew xogħlijiet li jingħataw backbenchers, biex skont Said iżommu ħalqhom magħluq.

Huwa qal li  mhux veru li l-Kummissjoni Venezja ġiet fuq talba tal-gvern għaliex it-talba diġà kienet saret u meta l-gvern induna b’dan, għamel biss talba oħra u kienet l-istess Kummissjoni Venezja li kixfitu fir-rapport tagħha.

“Ir-riżenji ġew aċċetati bi ksur ta’ liġi” – David Agius

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius argumenta li l-Partit Nazzjonalista qed jitlob li l-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar b’żewġ terzi għaliex is-sitwazzjoni straordinarja attwali hekk titlob u tesiġi azzjonijiet straordinarji u għaliex il-Korp tal-Pulizija ilu staġnat quddiem diversi każi.

Dwar il-każ ta’ abbużi ta’ sahra mit-taqsima tat-traffiku tal-pulzija, Agius staqsa jekk ir-riżenji ta’ diversi uffiċjali tal-pulizija ġewx aċċetati biex ma jitilfux il-pensjoni tagħhom u jekk dan sarx bi ksur tal-liġi.

Fil-ġimgħat li għaddew Newsbook.com.mt tkellem ma’ esperti legali li qalu li nkisret il-liġi meta ġew aċċettati r-riżenji tal-pulizija tat-traffiku.