Iberbaq €4,500 b’karta tal-kreditu misruqa; sentenza sospiża

Raġel li qatta’ nofsiegħa jixtri bl-addoċċ qal fil-qorti li l-karta tal-kreditu li kien qed juża sabha mal-art. Huwa ngħata sentenza sospiża meta eventwalment ammetta għas-serq.

In-Naplitan ta’ 24 sena li joqgħod f’Santa Venera tressaq il-qorti fuq serq aggravat li allegatament ġara fil-bidu ta’ April, meta l-akkużat qatta’ nofsiegħa jberbaq il-flus fil-Belt Valletta, tant li tella’ kont ta’ €4,500. Huwa kien qed juża karta tal-kreditu misruqa.

L-Ispettur Jeffrey Scicluna mill-Prosekuzzjoni qal li l-akkużat kien irritorna l-flus misruqa u kkopera mal-pulizija, u għalhekk, il-Prosekuzzjoni dehrilha li sentenza sospiża għandha tkun xierqa. Id-Difiża qablet ma’ dan.

Il-Maġistrat Neville Camilleri kkundanna lill-ħati għal sentejn ħabs, sospiżi għal 3 snin.