Iben Trump jiltaqa’ ma’ avukat Russu ‘għal informazzjoni fuq Clinton’

It-tifel tal-President Amerikan Donald Trump kien aċċetta li jiltaqa’ ma’ avukat viċin il-Gvern Russu wara li dan kien imwiegħed informazzjoni li setgħet tefgħet dell ikrah fuq il-kandidata Hillary Clinton.
Skont dak li qed tirraporta n-New York Times, Donald Trump Jr qal li l-laqgħa saret f’Ġunju tas-sena tal-2016, ġo Trump Power, ftit wara li Trump kien ikkonfermat bħala l-kandidat Repubblikan għall-Presidenza.
Donald Trump Jr ammetta li kien iltaqa’ mal-avukat Natalia Veselnitskaya imma qal li ma ngħata l-ebda “informazzjoni sinifikanti” fuq Hillary Clinton.
L-istess rapport jgħid li preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll Jared Kushner, li huwa r-raġel tat-tifla ta’ Trump u anke l-kap tal-kampanja Trump, Paul J. Manafort.
Dan ir-rapport ħareġ fi żmien li uffiċjali fl-Istati Uniti qed jinvestigaw allegazzjonijiet li r-Russja ndaħlet fl-elezzjoni presidenzjali li fiha kien elett Donald Trump.
Kemm l-FBI u anke l-Kungress Amerikan qed jinvestigaw jekk kienx hemm uffiċjali tal-kampanja Trump li ħadmu mill-qrib ma’ uffiċjali tal-Kremlin.