Iben Mintoff Bland mhux ċert jekk l-ekssieħeb tagħha kienx ferut

Iben Yana Mintoff Bland qal li mhux ċert jekk l-allegat aggressur u eks sieħeb ta’ ommu, kienx ferut dakinhar li daħal fil-propjetà tagħha u heddidha li joqtolha b’sikkina.
Fil-Qorti, iben Yana Mintoff Bland kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ li fih l-eks sieħeb ta’ ommu, Rumen ta’ 39 sena, qed ikun akkużat li bil-lejl tal-24 ta’ Ottubru attakka lil Mintoff Bland u lil binha b’sikkina.
Daniel Mainwaring qal li malli sema’ l-għajjat, daħal jiġri fil-kamra fejn kien hemm ommu, qala’ daqqa ta’ sikkina u reġa’ ħareġ. Insista li kieku l-allegat aggresur kellu xi feriti b’daqqiet ta’ sikkina kien se jinduna.
Fix-xhur li għaddew, it-tabib li dewa kemm lir-Rumen u anke lil Mintoff Bland qal li l-alleggat aggressur kellu erba’ daqqiet ta’ sikkina fin-naħa ta’ isfel ta’ żaqqu. Kien qal ukoll li r-Rumen kien taħt xokk u tilef ħafna demm.
Mainwaring irrakkonta kif dakinhar tal-inċident kien qiegħed f’residenza viċin id-dar ta’ Mintoff Bland meta sema ħsejjes u mar jiġri lejn il-villa ta’ ommu.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, Mainwaring qal li r-reazzjoni tiegħu kienet waħda istintiva hekk kif mar jiġri malli sema’ lill-ommu tgħajjat għall-għajnuna.
Qal li l-eks sieħeb tagħha kien qed jipprova joqtolha u kien diġà taha daqqiet ta’ sikkina f’sidirha.
Iben Mintoff Bland, iddeskriva lill-allegat aggressur bħala instabbli, possessiv u li mhux l-ewwel darba li kien aggressiv.
Il-każ mistenni jkompli f’Settembru fejn mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom esperti forensiċi.