Iben Messi jammira lil Ronaldo: ma jiddejjaqx jikkritika lil missieru

Lionel Messi żvela li ibnu l-kbir Thiago jammira ħafna lil Cristiano Ronaldo. Thiago li għandu seba’ snin, u li ma jiddejjaq xejn jikkritika lil missieru wara li jkun lagħab xi logħba, b’mod regolari jsaqsi dwar l-istilla ta’ Juventus.

Il-veteran ta’ Barcelona għandu tlett subien, Thiago, Mateo u Ciro u miżżewweġ lil Antonella Roccuzzo.

Waqt intervista ma’ Mundo Deportivo, Messi li għandu 32 sena żvela li ibnu l-kbir jammira ferm lir-rivali tall-Ballon d’Or. Messi qal li Thiago jitkellem ukoll dwar Luis Suarez, li bħala familja għandhom relazzjoni tajba ħafna miegħu. Iżda jitkellem ukoll dwar Griezmann u Vidal.

Iżda ma jistax jingħad l-istess għal Mateo li għandu erba’ snin. Missieru qal li ibnu kien feraħ ferm meta rnexxielu jirbaħ il-Ballon d’Or is-sena l-oħra. Kemm Thiago kif ukoll Mateo jattendu b’mod regolari għal-logħob u għat-taħriġ, iżda ż-żgħir, Ciro għadu żgħir wisq.