Iben Daphne xettiku dwar l-AĠ il-ġdida; Delia ottimist

Reazzjonijiet għall-ħatra tal-Avukat Ġenerali

Miguela Xuereb

Read in English.

Victoria Buttigieg illum intgħażlet bħala l-Avukat Ġenerali l-ġdid ta’ Malta. Dan wara li l-Avukat Ġenerali preċedenti, Peter Grech, irriżenja mill-kariga tiegħu, li okkupa għal dawn l-aħħar għaxar snin. 

Matul l-aħħar snin saru diversi talbiet għar-riżenja ta’ Peter Grech mill-kariga wara li fl-aħħar snin kien sar figura kontroversjali, billi ġieli tqies li mhuwiex iwettaq xogħlu b’mod xieraq. Wara l-assassinju Daphne Caruana Galizia, il-familja tal-vittma kienet appellat li Grech jirriżenja wkoll.

Illum, mal-aħbar tal-ħatra ta’ Buttiġieġ, Matthew Caruana Galizia ppubblika fuq Facebook, imejl minn Diċembru 2017 – xahrejn wara l-assassinju ta’ ommu – dwar il-Ftehim tas-Sigurtà tal-Provvista ffirmat mal-Konsorzju Electrogas, li d-direttur tiegħu ta’ dak iż-żmien Yorgen Fenech jinsab akkużat li ordna l-qtil.

Huwa spjega li permezz tal-imejl, li kien indirrizat lil rappreżentanti tal-konsorzju u tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, inkluż Buttigieg, l-avukati tal-Electrogas kienu qed iħeġġu lil Grech biex iqis li l-firma tal-Ministru ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi dwar il-ftehim kienet biżżejjed, u b’hekk jinqabeż il-Parlament u jsir mod biex il-konsorzju jikseb finanzjar għal perjodu twil, fi żmien meta l-kumpanija kienet qed tbati finanzjament.

Electrogas lawyers: "We need the Attorney General to say that Konrad Mizzi's signature on the Security of Supply…

Posted by Matthew Caruana Galizia on Tuesday, September 8, 2020

“Il-konsegwenzi mhumiex ser ikunu sbieħ” – Jason Azzopardi

Jason Azzopardi, Membru Parlamentari mal-Partit Nazzjonalista li jirrappreżenta il-familja Caruana Galizia fi proċeduri legali, ikkumenta fuq il-ħatra ta’ Buttigieg fuq il-midja soċjali tiegħu. 

Azzopardi stqarr li llum, Malta ghandha l-ewwel Avukat Ġenerali, li hija wkoll l-Prosekutur Ġenerali, li qatt m’għamlet każ wieħed kriminali fil-karriera legali tagħha. Żied li Peter Grech reġa’ ġie appuntat Avukat Ġenerali.

Huwa insista li “Il-konsegwenzi mhumiex ser ikunu sbieħ.”

Illum Malta ghandha l-ewwel Avukat Generali, li llum huwa l-Prosekutur Generali, li qatt ma ghamel kaz wiehed kriminali…

Posted by Jason Azzopardi on Tuesday, September 8, 2020

Fi istqarrija ffirmata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adian Delia biss, huwa saħaq li l-Oppożizzjoni tawguri lil Buttigieg tal-ħatra, u “għax-xogħol iebes li għandha quddiemha sabiex terġa’ tistabbilixxi d-dinjità u r-rispett lejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, wara li dan l-uffiċċju spiċċa mtappan mill-predeċessur tagħha, li spiċċa pupazz f’idejn il-Gvern Laburista li ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.”

L-Oppożizzjoni awguratilha li twettaq xogħolha bla biża’ u mingħajr ma tħares lejn uċuħ.

Il-Gvern jilqa’ din il-ħatra storiku

Buttigieg hija l-ewwel Avukat Ġenerali li ma ntgħażlitx direttament mill-Prim Ministru, wara sensiela ta’ riformi approvati mill-Parlament f’Lulju li għadda. Hija ġiet irrakkomandata minn kummissjoni indipendenti magħmula minn tliet imħallfin irtirati.

Il-ħatra tagħha ntlaqgħet tajjeb mill-Prim Ministru Robert Abela, li qal li infurma lill-President George Vella bl-għażla ta’ Buttigieg illum wara nofsinhar.

Skont il-PM, dan il-mod ġdid ta’ ħatra wassal biex pajjiżna se jkollu l-ewwel Avukat Ġenerali mara, li għandha l-integrità u l-kompetenza meħtieġa għal din il-kariga ewlenija.  Awguralha l-ikbar suċċess fix-xogħol “importanti” li se tkun qed twettaq.

Għadni kemm infurmajt lill-President tar-Repubblika li Dr Victoria Buttigieg intgħażlet bħala l-Avukat Ġenerali ġdid ta’…

Posted by Robert Abela on Tuesday, September 8, 2020

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri wkoll awgura lil Buttigieg għall-ħatra tagħha. Huwa ddeskriviha bħala “avukat kapaċissima”.

Nawgura lil Dr Victoria Buttigieg għall-ħatra tagħha ta' Avukat Ġenerali. Avukat kapaċissima li ser tkun l-ewwel Avukat Ġenerali maħtura b'sejħa pubblika u l-ewwel Avukat Ġenerali mara fl-istorja tagħna.

Posted by Byron Camilleri on Tuesday, September 8, 2020

Segretarja Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar stqarret li huwa ta’ unur u sodisfazzjoni għaliha tara li l-Prim Ministru, fuq rakkomandazzjoni ta’ Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti, jaħtar l-ewwel Avukat Ġenerali mara ta’ pajjiżna.

Nifraħ lill-Avukat Ġenerali l-ġdid, Dr Victoria Buttigieg.Ta' unur u sodisfazzjoni għalija nara li l-Prim Ministru…

Posted by Rosianne Cutajar on Tuesday, September 8, 2020