Iben Daphne għall-Amerika biex jitkellem dwar ommu

Matthew Caruana Galizia, wieħed mill-ulied tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia se jindirizza membri tal-Kungress Amerikan, l-impjegati tagħhom, lill-pubbliku u lill-midja, f’attività organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem Tom Lantos.
Fuq Facebook, Caruana Galizia qal li nhar il-Ħamis li ġej se jitkellem dwar dawk li sejjaħ reati li saru bil-moħbi mill-Gvern u l-kompliċi tiegħu, sakemm spiċċaw tperrċu minnhom sentejn ilu.
Caruana Galizia, li huwa wkoll membru tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) li żvela l-Panama Papers u l-Paradise Papers, saħaq li l-prezz li qed iħallsu minħabba dan, hu li qed jiġu tturmentati u fi kliemu dan mhux riskju tal-ġurnaliżmu, imma reat mill-iktar kriminali.
Insista li kulħadd irid u għandu dritt li jgħix f’pajjiż normali.
Matthew Caruana Galizia rrefera għal kif ilbieraħ, il-mafkar ta’ ommu mal-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta sebaħ miknus minn kull fjura, xemgħa jew ittra.
Irringrazzja lil dawk li lbieraħ filgħaxija fakkru lil ommu f’attività quddiem l-istess Monument, u reġgħu poġġew fjuri, xemgħat u ittri.
Fl-istess waqt appellalhom biex ma jħallu lil ħadd jaqtgħalhom qalbhom għax fi kliemu, kull darba li jingħaqdu flimkien, ikunu qed jagħmlu pass ‘il quddiem biex issir ġustizzja u toħroġ il-verità.
L-attività fl-Istati Uniti bit-tema In-Nisa fil-Ġurnaliżmu: Perspettiva Unika, Theddid Uniku, qed issir fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara.  Dan fid-dawl tal-isfidi li ġurnalisti nisa jgħaddu minnhom minħabba xogħolhom. Fost l-oħrajn qtil, priġunerija, vjolenza u fastidju sesswali.  Il-kelliema mistennija jirrakkomandaw metodi li organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet u gvernijiet jistgħu jadattaw biex tonqos din id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-ġurnaliżmu.