Iben Daphne fost 20 żagħżugħ magħżula biex jaħdmu għal Ewropa aħjar

DCG Matthew Caruana Galizia
Matthew Caruana Galizia / Facebook

Read in English.

Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, intagħżel fost 20 żagħżugħ u żagħżugħa sabiex ikun parti mill-programm European Young Leaders (EYL40).

Dan il-programm, li ilu għaddej għal madwar 10 snin, jissielet sabiex isib uħud mill-aktar persuni intelliġenti u li kapaċi jaħsbu b’mod innovattiv sabiex flimkien jibnu Ewropa aħjar. Dan billi jaraw li l-Ewropa tkun kapaċi żżomm moħħha miftuħ għall-avvanzi taż-żminijiet u tkun ta’ eżempju globali fejn tiħdol il-paċi għal dinja aħjar.

Caruana Galizia ġie deskritt fuq is-sit tal-inizjattiva bħala ġurnalist Malti magħruf u software engineer b’karriera estensiva. Ġie spjegat li permezz tal-ħidma tiegħu fil-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ), hu kien il-ko-fundatur tad-Data & Research Unit tal-għaqda fl-2014. Hu kien ukoll il-lead engineer ta’ sitt investigazzjonijiet maġġuri: Offshore Leaks, Swiss Leaks, Luxembourg Leaks, Fatal Extraction, Panama Papers u Paradise Papers. Is-sit spjega li x-xogħol ta’ dan il-unit fuq il-Panama Papers wassal għar-rebħa ta’ Pulitzer Prize fl-2017. Hu kien waqaf mill-organizzazzjoni fl-2018 sabiex ikompli jaħdem fuq il-każ madwar l-assassinju ta’ ommu.

Il-ħidma ta’ dawn iż-żgħażagħ li kollha għandhom taħt l-40 sena, se tkun qed tħares lejn id-diżgwidi u d-differenzi bejn iċ-ċittadini u politiċi sabiex twassal għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja. Il-fiduċja hija xi ħaġa importanti ħafna f’demokrazija.