​“Iben Daphne Caruana Galizia ddiskriminat politikament” – Stellini

Id-Deputat Nazzjonalista David Stellini saħaq li jista’ jikkonkludi li saret diskriminazzjoni politika kontra iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Andrew Caruana Galizia, li kien Diplomatiku fl-Indja, issejjaħ lura Malta sena u nofs qabel ma skadielu l-kuntratt, xahar biss wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Stellini saħaq li jikkonkludi hekk għax ma ngħatat l-ebda raġuni għat-trasferiment tiegħu.
“Din saret biex xi ħadd fil-Gvern jipprova jweġġa’ mhux biss lil Andrew Caruana Galizia, imma anke lil ommu”, kompla jgħid.
Id-deputat Nazzjonalista insista kif għall-barranin, speċjalment għall-Ewropej, id-demokrazija mhix biss fl-elezzjoni, imma l-ħarsien tal-minoranza.
Sostna li dawk li jikxfu l-korruzzjoni u li bi dritt joħorġu stejjer li l-Gvern ikun irid jaħbi, xorta għandhom jiġu mħarsa.
Stellini enfasizza dwar il-kontabbiltà, it-trasparenza u l-onestà, filwaqt li sostna li daqskemm hi importanti l-għaqda nazzjonali, hu essenzjali li meta jintqalu l-fatti ma jkunx hemm insulti.
Semma wkoll kif għall-mafja Taljana, Malta hi ġenna tal-art.