Iben Bob Marley f’Malta s-sajf li ġej

Julian Marley, iben il-leġġenda tar-reggae Bob Marley, flimkien mal-grupp mużikali The Upsiders, hu mistieden importanti għal din is-sena, bħala parti mill-edizzjoni ta' Rock'N Malta tal-2018. Julian ‘Ju Ju’ Marley, kompla fejn ħalla missieru, u hu mużiċist tar-roots-reggae, kantawtur, produttur u filantropu. Fit-18 ta’ Awwissu se jkanta l-kanzunetti tiegħu u ta’ missieru. Il-grupp mużikali Malti ManaTapu se jiftaħ il-lejla b’taħlita ta’ mużika reggae, ska, folk urock.
Iżda qabel, fit-30 ta’ Lulju Gogol Bordello se jkun l-mistieden ewlieni tal-lejla. Dawn hu grupp mużikali minn Manhattan ta’ fama u suċċess internazzjonali li joffru mużika żingara, latina, folk u punk rock flimkien ma’ umoriżmu, attiviżmu u teatru. Żgur li se joffru spettaklu eċċezzjonali u kkulurit. Il-grupp mużikali Broduse jiftaħ il-lejla.
Fl-24 ta’ Awwissu Rock’N Malta se taqleb għall-heavy metal. Il-mistednin ewlenin għal din il-lejla se jkunu Dark Tranquillity, li hu grupp mużikali Żvediż pijunier fir-rock metalliku melodiku responsabbli mill-ħolqien tal-ħoss Gothenburg. Qabilhom se jdoqqu Evergrey, li jaqgħu fl-istess ġeneru ta’ rock – dak metalliku, imma iktar progressiv. Dan il-grupp mużikali għandu 11-il album. Jiftħu l-lejla l-grupp Malti Colourblind. 
Fit-30 ta’ Awwissu Malta se tara jdoqqu għall-ewwel darba lil Kaiser Chiefs, li huma rockers indie mir-Renju Unit. Ispirati mill-mużika new wave u punk rock ta’ tmiem is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, Kaiser Chefs dejjem laħqu l-quċċati tal-aħjar 10 kanzunetti jew albums b’mod kostanti. Huma biegħu miljuni ta’ albums kemm ilhom li ngħaqdu bejniethom mill-2000. L-avveniment jiftħuh it-trio punk Indie lokali, Bila.
Iktar kunċerti mis-sensiela ta’ Rock’N Malta huma ppjanati li jitħabbru fiż-żmien li ġej. Għal aktar tagħrif żur il-paġna ta’ Facebook Rock’N Malta.