Ibdlu l-istil tal-ħajja biex tevitaw il-mard

Meta kien qed ikellem lill-parteċipanti tal-Konferenza “Unite to Cure”, li fosthom kien hemm il-kantanta Katy Perry, il-Papa Franġisku appella liż-żgħażagħ biex jibdlu l-istil tal-ħajja u l-kultura biex jevitaw il-mard.
“Aħna nafu li ħafna ħażin jista’ jkun evitat jekk nagħtu attenzjoni akbar għall-istil ta’ ħajja li nadottaw u l-kultura li nippromwovu”, qal il-Papa.
“Il-prevenzjoni titlob li nħarsu fil-bogħod lejn il-bnedmin u l-ambjent li fih ngħixu. Irridu nimmiraw lejn kultura bbilanċjata li l-fatturi essenzjali tagħha – l-edukazzjoni, l-attività fiżika, id-dieta, il-protezzjoni tal-ambjent, ir-rispett lejn il-kodiċi ta’ saħħa prattikat minn diversi reliġjonijiet, dijanjosi preċiża u fil-ħin u affarijiet oħra – jistgħu jgħinuna ngħixu aħjar u b’inqas riskji għal saħħitna.”.
Li naddottaw “kultura ta’ bilanċ” ġdida hu aktar u aktar importanti fir-rigward tat-tfal u ż-żgħażagħ li qed ikun dejjem aktar f’riskju ta’ mard marbut mal-bidliet radikali tal-kultura moderna, kompla l-Papa Franġisku.        
“Għandna bżonn nirriflettu fuq l-impatt li t-tipjip iħalli fuq il-ħajja flimkien mal-konsum tal-alkoħol u d-dħaħen tossiċi fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija.  Numru ta’ tumuri u problemi oħra ta’ saħħa fil-kbar jistgħu jkunu evitati billi nieħdu miżuri preventivi fi tfulitna. Dan jitlob azzjoni globali sħiħa, ma jistax ikun delegat lil istituzzjonijiet soċjali jew lill-gvernijiet, imma jitlob impenn minn kulħadd. Sar urġenti li nrawmu kullimkien kultura ta’ prevenzjoni bħala l-ewwel pass għal saħħitna”.
Il-Papa faħħar l-avanzi fil-kura tas-saħħa miksuba permezz tax-xjenza.
“Ix-xjenza hi mezz qawwi biex nifhmu aħjar id-dinja naturali u s-saħħa umana. Fetħitilna possibiltajiet ġodda u tatna teknoloġiji li jgħinuna mhux biss neżaminaw l-istruttura interni tal-organiżmi ħajja, inkluż il-bniedem, imma għenitna nintervjenu b’modi profondi u preċiżi tant li għamlitha possibbli li anke nibdlu d-DNA tagħna. Hawn jinħass il-bżonn li nagħrfu aħjar ir-responsabbiltajiet etiċi tagħna lejn l-umanità u l-ambjent li ngħixu fih.”
Filwaqt li l-Knisja tilqa’ kull sforz li jsir fir-riċerka u l-applikazzjoni tagħha, taf ukoll bil-prinċipju bażiku li “mhux kulma hu teknikament possibbli jew jista’ jsir hu etikament aċċettabbli”, wissa l-Papa.
“Ix-xjenza, bħal kull attività umana oħra, hi konxja li ċerti limiti għandhom ikunu rrispettati għall-ġid tal-umanità stess u allura hemm bżonn sens ta’ responsabbiltà etika”.
Il-Papa Franġisku qal li kien ferħan jara persuni minn kulturi, soċjetajiet u reliġjonijiet differenti miġbura flimkien għal din il-laqgħa.
Hu rringrazzja lil dawk involuti f’din il-konferenza li hi proġett tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura, Il-Fondazzjoni tal-Vatikan għax-Xjenza u l-Fidi u s-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan, l-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja u l-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenzi kif ukoll is-Segretarja għall-Komunikazzjoni tal-Vatikan.