Ibda s-sena billi tagħti d-demm

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm irringrazzja lil dawk kollha li marru jagħtu d-demm tul dan iż-żmien tal-festi. Madankollu, fakkar li l-bżonn regolari ta’ 50 trasfużjoni tad-demm kuljum jippersisti.

Għaldaqstant, il-pubbliku hu mħeġġeġ jibda s-sena billi jagħti d-demm.

Wieħed jista’ jagħmel dan minn dawn il-postijiet:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8:00am sas-6:00pm (l-aħħar dħul fis-6:00pm).
  • fil-Berġa l-ġdida tax-Xewkija f’Għawdex li nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm (l-aħħar dħul fis-1:00pm).

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.