Ibbuwjati fl-ajruport minħabba dewmien fit-titjriet

Membri tal-ekwipaġġ tal-AirMalta fi triqithom lejn l-ajruplan spiċċaw ibbuwjati minn passiġġieri li kienu qed jistennew biex jitilqu fuq it-titjira lejn Pariġi.
F’sala tal-istennija ippakjata bil-passiġġieri lbieraħ waranofsinhar, il-passiġġieri ġew infurmati li t-titjira kienet se tittardja b’madwar nofs siegħa oħra minħabba l-azzjoni industrijali mill-membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta.
Uħud mill-passiġġieri kienu mgħaddba minħabba l-biża’ tagħhom li jitilfu titjira oħra mill-ajruport ta’ Pariġi.
Ftit wara meta l-membri tal-ekwipaġġ dehru ħerġin mis-sala tal-wasliet lejn l-ajruplan, il-passiġġieri nstemgħu jesprimu r-rabja tagħhom bl-ibbuwjar.
Fl-istess ħin passiġġieri fuq it-titjira lejn Brussell ukoll kellhom jistennew għal madwar siegħa fl-ajruport qabel setgħu jitilgħu fuq l-ajruplan.
Riżultat tal-azzjoni industrijali, l-ajruplan dam ma wasal lura mit-titjira ta’ qabel.
Malli l-passiġġieri telgħu fuq l-ajruplan ġew infurmati li t-titjira tilfet l-islot biex tinżel fl-ajruport ta’ Brussell.
Riżultat ta’ dan, it-titjira kellha tistenna għal nofsiegħa oħra qabel setgħet titlaq minn Malta.
L-azzjoni industrijali mistennija tkompli llum ukoll.