Filmat: Ibbukkjajt il-biljett għall-Unite with Tomorrowland f’Malta?

Ir-reġistrazzjoni kmieni għall-ispettaklu mużikali Unite with Tomorrowland li se jerġa’ jsir f’Malta għadha kif infetħet.

Ir-reġistrazzjoni għal Unite With Tomorrowland in Malta se tagħlaq fis-27 ta’ Frar f’nofsinhar. Wieħed jista’ jirreġistra billi jagħfas hawn u jimla d-dettalji neċessarji. Skont l-organizzaturi, kull min jirreġistra se jirċievi imejl biex ikun jista’ jixtri l-biljetti bl-aħjar prezz possibbli. Dawk li jirreġistraw se jkollhom ukoll il-benefiċċju li jkunu minn tal-ewwel li jirċievu aġġornamenti ġodda b’rabta mal-avveniment.
Dan l-avveniment internazzjonali qed jiġi organizzat f’Malta għat-tieni sena konsekuttiva wara li l-eluf attendew l-edizzjoni tas-sena l-oħra li għaliha ġew minn aktar minn 50 pajjiż differenti.
Skont l-organizzaturi, matul dan is-sajf 400,000 persuna minn madwar id-dinja se jinġabru f’Boom fil-Belġju għal edizzjoni doppja ta’ Tomorrowland. Qalu li filwaqt li jkun qed isir dan, aktar minn 100,000 persuna imsejħa “People of Tomorrow” se jkollhom iċ-ċans li jesperjenzaw l-avveniment b’mod uniku f’7 pajjiżi differenti.
L-organizzaturi spjegaw kif nhar is-Sibt 28 ta’ Lulju, 7 ċelebrazzjonijiet ta’ UNITE With Tomorrowland se jkunu qed isiru f’Abu Dabi, fl-Italja, fil-Libanu, f’Malta, fil-Messiku, fi Spanja, u fit-Tajwan. Dawn se jkunu qed igawdu minn għadd ta’ DJs kif ukoll konnessjoni live permezz tas-satellita.
Fi kliem l-organizzaturi, UNITE With Tomorrowland hi aktar minn sempliċi avveniment li jkun streamed live. Dan għaliex il-palk se jistimula l-immaġinazzjoni b’dekorazzjonijiet u effetti speċjali li għandhom joħolqu esperjenza straordinarja.
Jiddeskrivu l-avveniment ukoll bħala kapolavur minħabba l-ħtieġa li kollox ikun sinkronizzat.
L-organizzaturi qalu li kollox jdur mar-realtà li matul dawn is-seba‘ avvenimenti, wieħed se jħalliha warajh. Dan grazzi għall-Tomorowland MainStage u l-konnessjoni bejn il-“People of Tomorrow” fil-kontinenti differenti.
Għal aktar dettalji wieħed jista’ jżur ukoll il-paġna ta’ Unite With Tomorrowland in Malta  fuq Facebook.
Ritratt: Tomorrowland