Ian Wright imaqdar il-mod ta’ kif irreaġixxa Solskjaer

L-eks attakkant tat-tim Ingliż Ian Wright maqdar il-mod ta’ kif irreaġixxa l-maniġer ta’ Manchester United Ole Gunnar Solskjaer. Wright saħaq li Solskjaer ħaseb fih innifsu qabel ma ħaseb fil-plejer meta Marcus Rashford weġġa’ dahru. L-injury taf iżomm lil Rashford barra mil-logħba għal tliet xhur.

Rashford li għandu 22 sena, daħal bħala sostitwit kontra Wolves, iżda kellu jerġa joħroġ wara li ħass uġigħ f’daru. Wright spjega kif xi ħadd għandu jieħu r-responsabbiltà ta’ dan l-inċident. Hu spjega kif Solskjaer kien jaf dwar l-uġigħ li kien qed iħoss Rashford, iżda xorta għażel li jilagħbu. Saħaq li minħabba dan l-iżball, Rashford se jkollu jagħmel tliet xhur barra.

Rashford lagħab fi 13-il logħba minn Diċembru sa meta beda jħoss l-uġigħ, nhar il-15 ta’ Jannar. F’dak il-perjodu rnexxielu jiskurja disa’ gowls.

Waqt li kien qed jitkellem wara l-logħba kontra Liverpool, Solskjaer ċaħad il-fatt li Rashford kien diġà mweġġa’ qabel ma lagħab fil-logħba kontra Wolves.