Ian Deguara maħtur Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza ħabbar li Ian Deguara nħatar bħala l-Kummissarju l-ġdid għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.

Deguara hu gradwat fl-Informatika u l-Amministrazzjoni mill-Università ta’ Malta. Hu kien wieħed mill-ewwel impjegati li ffurmaw l-Uffiċċju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data mat-twaqqif tiegħu fl-2002. Tul is-snin ta’ servizz f’dan l-uffiċċju, Ian Deguara okkupa diversi rwoli u fforma parti mit-task force nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) skont ir-regoli tal-Kummissjoni Ewropea.  Sa minn Jannar 2020,Ian Deguara serva bħala Deputat Kummissarju.

Fi stqarrija l-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis feraħ lis-Sur Ian Deguara għal din il-ħatra u awguralu kull suċċess f’din il-kariga li se jokkupa għas-snin li ġejjin.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis irringrazzja wkoll lill-eks Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, s-Sur Saviour Cachia, għas-servizz li ta lill-Istat Malti matul is-snin li għaddew.