Aġġornata: Ian Castaldi Paris jirriżenja mill-PN u minn Sindku ta’ Ħal-Lija

Dr Ian Castaldi Paris ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Sindku, Kunsillier u membru fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Lija kif ukoll mill-Partit Nazzjonalista.
F’ittra li bagħat lis-Segretajru Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said, Castaldi Paris spjega li qed jirreżenja għax il-pożizzjoni tiegħu fi ħdan il-partit m’għadix tenibbli.
Wara li r-riżenja mill-Partit Nazzjonalista, Castaldi Paris bagħat ukoll ittra tar-riżenja lill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Lija li fiha spjega li ma baqalux skop li jżomm il-kariga wara li fi kliemu ma kienx qed jiġi stmat mill-partit.
Fl-istess ittra Castaldi Paris irringrazja lill-Kunsilliera, il-ħaddiema u lil dawk kollha li vvutawlu fl-aħħar elezzjonijiet.
Newsbook.com.mt ipprova jieħu l-kummenti ta' Ian Castaldi Paris u Chris Said.
Castaldi Paris kien jinsab f'laqgħa u ma setax iwieġeb filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said staqsa li l-mistoqsijiet jintbagħtu b'imejl.  
Newsbook.com.mt għamel kuntatt ma' Gabriella Agius, l-aġent Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill fejn qalet li l-ittri jispjegaw kollox u għalhekk Castaldi Paris mhux se jagħti kummenti.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija, is-Segretarju Ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li rrispetta u aċċetta d-deċiżjoni ta’ Castaldi Paris, iddeskriva r-riżenja bħala “sorpriża”.
Dr Said spjega li ftit ġimgħat ilu, kellu laqgħa ma’ Castaldi Paris u ma’ żewġ kunsilliera oħra ta’ Ħal-Lija eletti f’isem il-PN dwar diversi materji, iżda “fl-ebda ħin f’dik il-laqgħa u lanqas f’xi okkażjoni oħra qabel jew wara, Castaldi Paris ma ġibed l-attenzjoni tiegħi li jħossu mhux stmat jew li ma kienx qed jaqbel mal-Partit Nazzjonalista fuq xi ħaġa.”