​Ian Borg ta x’jifhem li l-maġġoranza hija ‘l fuq mil-liġi – PN; “Spin” għall-PL

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-esponenti tal-Gvern jaħsbu li huma 'l fuq mil-liġi. Il-Partit Laburista (PL) sejjaħħ l-istqarrija tal-PN bħala spin ta’ partit dahru mal-ħajt.
Fi stqarrija l-PN sejjaħ dak li qal il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura, u Proġetti Kapitali Ian Borg waqt il-programm Xarabank. Skont il-PN, “Borg għamel argument u ta x'jifhem li ġaladarba l-maġġoranza għażlet Gvern, is-saltna tad-dritt tiġi sekondarja.”
Il-partit temm jgħid li se jkompli jaħdem biex jara li f’Malta terġa’ tibda tiġi rispettata l-liġi.
Spin ta’ partit li jinsab fi kriżi – PL
Fi stqarrija b’reazzjoni għal dak li ntqal mill-PN, il-PL qal li dan kollu huwa “spin ta’ min  jinsab fi kriżi minħabba l-kwistjonijiet interni u l-messaġġi li qed jibagħtlu l-poplu.”
Il-PL ikkwota lil Borg jgħid li “Qisu għandna kollox ħażin, li l-ġid mhux veru qed jinħoloq li l-ekonomija mhux vera kibret u li qisu l-poplu qatt ma mar jivvota u qatt ma ddeċieda. Għax Alla jbierek kulħadd jitkellem dwar is-saltna tad-dritt, imma s-saltna tal-poplu ħadd ma jsemmiha”. Fl-opinjoni tal-partit, “mkien ma ssuġerixxa s-saltna tad-dritt hija sekondarja.”
Il-PL temm jgħid li jekk hawn xi ħadd li jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi, hu min jemmen li jista’ ma jħallasx it-taxxa.
Flimkien mal-istqarrija, il-PL iċċirkola wkoll filmat bil-kummenti tal-Ministru Borg waqt il-programm.
Każ perikoluż – Jason Azzopardi
Fuq Facebook, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li meta ċittadin jgħid li r-rispett tal-liġi hija sekondarja għal ħdejn il-vot tal-maġġoranza hija ħaġa serja. Kompla jgħid li meta l-istess kliem jgħidu Ministru, ikun każ perikoluż.
 

Is-sit tal-aħbarijiet tal-General Workers Union qed jikkwota lil Ministru Borg jgħid li l-PN qed jipprova jgħawweġ dak li qal waqt il-programm u li l-partit qed ikun selettiv skont kif jaqbel lilu. Skont il-Ministru, il-Gvern se jkompli jissalvagwardja l-liġijiet tal-pajjiż kif ukoll jirrispetta l-istituzzjonijiet.