Aġġornata (2): Ġurnalist mhedded waqt li ħaddiema sakkru żgħażagħ fi protesta

Ħaddiema tal-proġett infrastrutturali f’Santa Luċija sakkru attivisti żgħażagħ li dalgħodu sebħu fis-sit fejn din il-ġimgħa tqaċċtu għadd ta’ siġar bi preparazzjoni għall-proġett. Fil-ħin tad-demostrazzjoni simbolika ma kienx għaddej xogħol. Ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt li kien qed jirrapporta u jieħu r-ritratti ta’ dak li kien qed jiġri, ġie mhedded minn wieħed mill-ħaddiema, li qallu li jekk jibqa’ jieħu r-ritratti se jkissirlu l-kamera.

Newsbook.com.mt kien fuq il-post għall-ħabta tal-11.05am meta xi ħaddiema ppruvaw ikeċċu liż-żgħażagħ, għax qalulhom li kellhom ordnijiet li ż-żgħażagħ mhux suppost kienu hemm, iżda dawn baqgħu hemmhekk minkejja li l-ħaddiema heddewhom li jagħlquhom hemm.

Tliet attivisti żgħażagħ li organizzaw il-protesta “Għas-Siġar Tagħna” kontra l-proġett Central Link, dalgħodu sostnew li l-miżuri li qed jipproponi l-Ministru għat-Trasport huma miżuri ta’ mewt. Sasha Vella, Tim Grech u Ruby Zammit qalu li marru Santa Luċija biex jiġġieldu l-apatija, għax il-patrimonju ambjentali jbati jekk ma jsemmgħux leħinhom.

Aqra: Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija ma jispeċifikax fejn se jitħawlu s-siġar tal-jogging track

“Irċevejna iktar sapport milli tgħajjir”

Iż-żgħażagħ sostnew li hi ironija li sa ftit xhur ilu kulħadd kien qed jissielet biex jagħti vuċi liż-żgħażagħ permezz tal-vot 16, biex illum il-ġurnata qed jiġu mgħajra li għadhom żgħar biex jipprotestaw. Madanakollu huma saħqu li qed jirċievu iktar sapport milli tgħajjir.

Aqra: Ritratti: Jitqaċċtu s-siġar biex jibda l-proġett f’Santa Luċija

Ammettew li legalment m’għadx fadal wisq rimedji, imma qalu li dan mhux se jżommhom milli jilmentaw dwar dan il-“massakru tal-wirt ambjentali.” Saħqu, li b’kuntrast mal-Ministru, huma qed jipprovdu messaġġ ta’ tama u sejħa lil dawk kollha li għandhom l-ambjent f’qalbhom.

Aqra: Filmat: Central Link: “Se jkun hemm aktar nies fil-protesta li jmiss”

Il-PN juri solidarjetà mal-attivisti

Il-Partit Nazzjonalista esprima s-solidarjetà tiegħu mal-attivisti żgħażagħ li ġew aggrediti u insulentati. Skont il-PN, huma l-mezzi soċjali użati minn persuni viċin il-Partit Laburista li jaħtu għal din l-intolleranza. L-istqarrija ffirmata mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent Jason Azzopardi tgħid li jeħtieġ li l-Prim Ministru jassumi r-responsabbiltà għal din il-mibegħda li qed tinxtered kontra dawn iż-żgħażagħ, li kulma jridu hu li jsemmgħu leħinhom kontra “l-qerda insensata ta’ mijiet ta’ siġar li setgħet ġiet evitata.”

Aqra: Santa Luċija: “Il-Ministru se jkisser proġett ta’ sentejn ilu għax ma ppjanax” – Delia

Il-PN ikkundanna l-aġir tal-Gvern meta fil-21 ta’ Mejju 2017 inawgura jogging track u gym fil-miftuħ f’Santa Luċija li swew €90,000, u mbagħad, fit-2 t’Ottubru, issottometta applikazzjoni biex jibni l-underpass f’Tal-Barrani.

Mhux aċċettabli li l-ħaddiema tal-gvern juru imġieba abbużiva – PD 

Il-Partit Demokratiku (PD) ddikjara li t-tolleranza min-naħa tal-gvern għall-imġieba abbużiva mill-partitarji tagħha hija diġà problema minna nfisha. Iżda hija ferm agħar li l-impjegati tal-gvern u l-kuntratturi juru mġieba abbużiva ma’ min kien qed jipprotesta b’mod ċivili. Il-PD qalet li dan l-atteġjament ma jistax ikun aċċettat mill-gvern.

Għajb li dan il-post ta’ rilassament se jiġi meqrud b’dan il-mod – Kumitat Sezzjonali u Kunsilliera PN Tarxien
Fi stqarrija maħruġa mill-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista u l-Kunsilliera tal-istess partit f’Ħal Tarxien qalu li l-Gvern bl-aġir arroganti tiegħu baqa għaddej romblu minn fuq ir-residenti ta’ Ħal Tarxien, Santa Luċija u Raħal Ġdid li ta’ kuljum jużaw dawn l-inħawi.
Sostnew li huwa ta’ għajb li wieħed mill-ftit postijiet li jservu ta’ rilassament u ta’ pulmun għar-residenti tal-inħawi jiġi meqrud b’dan il-mod, mingħajr biss ma jiġu kkonsultati l-istess residenti u l-Kunsilli Lokali tagħhom.