Ian Borg jippubblika dokumenti dwar ix-xiri u x-xogħlijiet fuq id-dar tiegħu

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qiegħed fuq il-mejda tal-kamra numru ta’ dokumenti marbuta max-xiri ta’, u xogħlijiet fuq proprjetà fiż-żona ta’ Santa Katerina fir-Rabat.
Borg qal li huwa l-ewwel deputat li qiegħed jagħmel dan il-pass.
Fost id-dokumenti qiegħed karti relatati ma’ self li kiseb minn bank ewlieni lokali, kif ukoll kuntratti ma’ fornituri differenti fosthom Central Asphast, Terracore, Ballut Blocks u RedMap Ltd.
Huwa qal li x-xogħlijiet inbdew is-sena li għaddiet u waqfu għal perjodu ta’ żmien sakemm kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet dwaru u l-mod kif ingħata l-permess mill-MEPA.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino staqsa lil Borg numru ta’ mistoqsijiet dwar l-għoti ta’ tarmak fi triq li twassal għal quddiem il-proprjetà tiegħu. Borg wieġeb li t-tarmak sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bħala parti mill-proġett biex jitwassal id-drenaġġ fiż-żona fejn jgħixu madwar 300 familja, u dan skont applikazzjoni tal-2010.
Qal ukoll li l-Korporazzjoni tat żewġ kuntratti lil kuntratturi differenti. Wieħed minn dawn temm l-għoti tal-wiċċ tat-tarmak waqt li t-tieni għad irid jingħata l-istruzzjonijiet biex jibda x-xogħol.
Borg poġġa ukoll fuq il-mejda tal-kamra nota tas-sidien oriġinali tal-propjretà li xtara u żviluppa u li fiha qalu li matul l-aħħar sena kienu kwotati diversi drabi fil-mezzi tax-xandir. Skont in-nota, huma għażlu li jibqgħu siekta.
Fl-istess ħin, fl-istess nota saħqu li wieħed ma jistax iqabbel l-applikazzjoni tagħhom li kienet ġiet rifjutata mill-MEPA u l-applikazzjoni ta’ Borg, fuq sit akbar.
Dik l-applikazzjoni kienet sors ta’ kontroversja matul is-sena li għaddiet, hekk kif rapport tal-Ombudsman qal li Ian Borg u l-MEPA użaw “metodi malizzjużi” fil-mod kif ingħata dan il-permess. Eventwalment, il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni ma sabitx evidenza li twettaq reat minn Borg dwar l-iżvilupp tad-dar residenzjali tiegħu fir-Rabat.
Reazzjoni Partit Laburista:
F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Ian Borg ippubblika l-kuntratti li kellu ma’ kuntratturi li kienu qed jagħmlu xogħlijiet privati fuq id-dar tiegħu.
Tenna li issa Mario De Marco għandu jippubblika l-kuntratt ta’ xogħlijiet li għamel fuq d-dar tiegħu ma’ kuntrattur fl-2011 u l-irċevuti tax-xogħlijiet kollha li saru mal-kuntratturi privati kollha li ħadmulu fuq id-dar tiegħu.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista:
F’reazzjoni l-PN qal li Joseph Muscat ħeba l-fatt li anke s-Segretarju Parlamentari tiegħu Ian Borg qabbad lill-istess kuntrattur Redmap Ltd, li kien qabbad Mario de Marco, biex jagħmel xogħol fid-dar tiegħu.
Tenna li d-dar ta' Ian Borg tinsab f'nofs skandlu hekk kif, skont rapport tal-Ombudsman, il-permess tal-bini tad-dar ta' Ian Borg ħareġ b'devious methods.