Ian Borg jgħid li l-flyover mhix bil-ħsara

Read in English.

Wara li beda jiċċirkola ritratt li juri toqba fil-flyover li għadha kemm ġiet inawgurata fil-Marsa, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li din m’għandhiex ħsara.

Skont Borg, ir-ritratt ma juri xejn ħlief “faxxa dejqa ta’ asphalt temporanja li saret sakemm minflokha jsiru expansion joints”. Kompla jgħid li dawn isiru apposti biex il-flyovers iservu għal aktar snin imma li ma jistgħux isiru qabel ma titlesta t-tielet flyover.

Il-ġurnal Times of Malta mar fuq il-post illum. Qal li t-toqba ngħalqet u li kien hemm barriers tal-plastik madwar iż-żona. Dawk li kienu qed isuqu kellhom jużaw il-karreġjata l-oħra f’dik il-parti. Il-Ministeru għat-Trasport ma weġibx il-mistoqsijiet tat-Times.

Fuq Facebook, Borg qal li t-tliet flyovers se jkunu miksija b’saff t’asfalt kontinwu bla ebda qsim biex iservi aktar.

“Għall-ewwel darba f’Malta, l-aħħar saff ta’ dawn il-flyovers se jsir b’asfalt aktar b’saħħtu li qatt qabel ma ntuża bħalu f’Malta,” qal Borg.

L-inawgurazzjoni tal-ewwel żewġ flyovers tal-proġett tal-Marsa ġiet tiswa €40,000.

Jikkonferma li l-inawgurazzjoni tal-flyovers ġiet tiswa €40,000

Borg qal li aktar minn 451,000 vettura ffrankaw li jeħlu fit-traffic lights tal-Addolorata billi għaddew minn fuq il-flyovers ġodda tal-Marsa Junction Project minn meta nfetħu f’Settembru.

“Flok ħareġ japoloġizza talli abbanduna n-nofsinhar ta’ Malta, il-Partit Nazzjonalista dil-ġimgħa ħareġ bil-fake news tal-Halloween li “sfrondat parti mill-flyover”. Niżgura lil kulħadd li l-flyovers ma sfrondawx u lanqas ġratilhom xi ħsara. Il-flyovers ta’ dan il-proġett qed jinbnew b’disinn u b’materjali li jifilħu għall-kundizzjonijiet sismiċi u tat-temp ta’ pajjiżna, u jservuna għal aktar minn 100 sena.”