Ian Borg f’lista prestiġġjuża tal-aqwa żgħażagħ ta’ Forbes

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u l-fondi Ewropew Ian Borg sab postu fil-lista ta’ Forbes tal-aqwa 30 żagħżugħ u żagħżugħa taħt it-30 sena għal din is-sena.
Ian Borg tniżżel fil-kategorija tal-policy fejn flimkien miegħu f’din il-kategorija hemm ukoll il-kelliema tal-Kummissjoni Ewropea Natasha Bertaud u l-Ewroparlamentari Julia Reda, li kienet ressqet ir-rapport għar-riforma tal-copyright madwar l-Ewropa.
Il-lista tal-Forbes hija maqsuma fi għaxar kategoriji li huma mifruxa fuq l-arti, id-divertiment, l-industrija, l-midja, il-policy, l-imprendituri soċjali, il-kummerċ, ix-xjenza u l-kura medika, l-finanzi u t-teknoloġija.
L-iżgħar nomina hija dik tat-Taljan Jacopo Mele li għandu 22 sena u hemm ukoll Lassana Bathily ta’ 25 sena li kienet għenet l-ostaġġi miżmuma fis-supermarket f’Pariġi fil-ġranet wara l-attakk fuq l-uffiċċju ta’ Charlie Hebdo.
Il-persuni kollha li sabu posthom fil-lista skont il-kategoriji rispettivi ġew mgħarbla mill-esperti tal-Blue Ribbon.
Il-ġurija hija magħmula minn Alex Wood, li huwa l-editur ġurnalistiku, Hala Gorani li hija korrispondent tas-CNN u li kienet irrappurtat il-miġja tar-rebbiegħa ġdida fl-Eġittu u l-kunflitti fis-Sirja u Herbiert Plantl li huwa awtur tal-kotba u jikteb artikli f’gazzetti Ġermaniżi.