Ian Borg f’diskussjoni mal-Polonja dwar il-Presidenza Maltija tal-UE

Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea fl-2017, Ian Borg  għamel  żjara f’Varsavja fejn kellu laqgħa mad-Deputat Ministru fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Polonja. 
It-taħdidiet iffokaw fuq it-tħejjija ta’ Malta għall-Presidenza Ewropea.
Ian Borg spjega l-ħidma li diġa’ qed issir u r-rwol li Malta se jkollha fit-tmexxija tal-proċess legiżlattiv tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-laqgħat u l-attivajiet li huwa ppjanat li jsiru f’Malta matul is-sitt xhur tal-Presidenza. 
Il-Polonja kellha l-Presidenza fl-2011 u l-Ufficjali Pollakki li kienu nvoluti fil-Presidenza spjegaw l-esperjenza tal-ħidma tagħhom u ddiskutew ma’ Ian Borg kif din l-esperjenza tista’ tgħin lil Malta. 
Matul il-laqgħa, ġew diskussi wkoll x’jistgħu jkunu l-prijoritajiet  tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.
Ian Borg semma l-interess ta’ Malta fuq ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ fuq, l-immigrazzjoni u l-istrateġija marittima.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech