Hyzler iċanfar lil eks kap tal-Hate Crime Unit minħabba kumment fuq Facebook

“Abbozz li qed ikun diskuss fil-Parlament se jwassal għal żieda ta’ persuni ta’ fiduċja ngaġġati mal-Gvern” - Hyzler

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler, ċanfar lill-eks kap tal-Hate Crime and Speech Unit wara li dan għajjar lill-kandidat indipendenti Arnold Cassola permezz ta’ post fuq Facebook.

Dan ħareġ minn rapport li ntbagħat mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara li saret investigazzjoni u ngħalaq il-każ.

Fl-istqarrija annessa mar-rapport, il-Kummissarju George Hyzler ikkunsidra ilment mingħand Matthew Caruana Galizia, id-direttur tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, kontra Dr Joseph Borg. L-ilment kien jittratta dwar kumment li Borg għamel fuq Facebook fejn iddefenda lill-Ministru Michael Farrugia u uża kliem offensiv fil-konfront tal-Professur Arnold Cassola. Meta għamel il-kumment Borg kien persuna ta’ fiduċja fil-Ministeru għall-Intern.

Fir-rapport tiegħu, il-Kummissarju sostna li persuni ta’ fiduċja m’għandhomx jikkummentaw fuq materji ta’ kontroversja politika u għandhom jittrattaw lil ħaddieħor b’rispett. Hu nnota li impjegati regolari tal-gvern f’karigi għolja huma obbligati jżommu n-newtralità politika. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-persuni ta’ fiduċja f’livelli ekwivalenti.

Sostna li l-kliem “offensiv ta’ Dr Joseph Borg fil-konfront ta’ Prof. Cassola ma rriflettiex tajjeb fuq l-amministrazzjoni pubblika u fuq il-Ministru Michael Farrugia, b’mod partikolari għax Dr Borg kien qed iservi bħala l-kap tal-Hate Crime and Speech Unit apparti li kien persuna ta’ fiduċja.”

Dan wassal biex il-Kummissarju ltaqa’ ma’ Borg fil-preżenza tal-Ministru Farrugia u ppropona li l-każ għandu jiġi konkluż billi ssir apoloġija mingħand Borg lil Cassola. Il-Kummissarju għalaq il-każ wara li rċieva din l-apoloġija.

Fir-rapport tiegħu dwar il-każ, il-Kummissarju osserva li l-Hate Crime and Speech Unit hija parti mill-makkinarju permanenti tal-gvern u m’għandhiex titqies bħala estensjoni tas-segretarjat tal-ministru. Għalhekk il-kariga ta’ kap tal-Unit ma messhiex ingħatat lil persuna ta’ fiduċja. Dan ma jirriflettix fuq Borg iżda fuq il-prattiċi amministrattivi tal-gvern.

“Abbozz li qed ikun diskuss fil-Parlament se jwassal għal żieda ta’ persuni ta’ fiduċja ngaġġati mal-Gvern”

Il-Kummissarju kompla billi uża dan ir-rapport biex jikkummenta fuq abbozz li bħalissa qed ikun diskuss fil-parlament li jirrigwarda persuni tal-fiduċja. Hu sostna li dan l-abbozz jista’

potenzjalment iwassal għal żieda konsiderevoli fin-numru ta’ persuni ta’ fiduċja ngaġġati mal-gvern. Irrimarka li dan ikun ta’ dannu għall-istandards fl-amministrazzjoni pubblika ta’ Malta.

L-abbozz ta’ liġi li bħalissa qiegħed quddiem il-Parlament hu maħsub biex jipprovdi bażi legali għall-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja. Il-Kummissarju esprima l-fehma li l-abbozz ma jistax jilħaq dan il-għan mingħajr emendi kostituzzjonali għax il-Kostituzzjoni ma taħsibx għal ħatriet ta’ fiduċja. Sostna li bis-saħħa tal-abbozz ħafna persuni ta’ fiduċja jistgħu ma jibqgħux jaqgħu taħt l-iskrutinju tal-Kummissarju.

Tista’ taqra r-rapport b’mod sħiħ minn hawn.