“Huwa sodisfazzjon li nista’ nispira lil ħafna biex nagħmlu tibdiliet lill-pjaneta ommna” – Neil Agius

Ir-Reġina tirrikonoxxi lil Neil Agius bil-premju Points of Light

Ir-Reġina Eliżabetta rrikonoxxiet lil Neil Agius, li rrappreżenta lil Malta, bħala l-151 Commonwealth Point of Light b’turija tas-servizz volontarju eċċezzjonali tiegħu favur l-ibħra biex ikunu ħielsa mill-plastik. 

Neil huma għawwiem u ko-fundatur tal-kampanja Wave of Change biex titqajjem kuxjenza dwar it-tniġġis tal-plastik fil-baħar Malti. Riċentement Neil temm l-għawma ta’ 95 km bejn Sqallija u San Ġiljan biex iqajjem kuxjenza dwar it-theddid għall-oċeani u l-bijodiversità tagħhom. Huwa biss it-tieni persuna fl-istorja li għamel din l-għawma.

Neil jemmen li dak li għamel se jgħin biex jappoġġja l-Wave of Change’, u jispira liż-żgħażagħ biex jieħdu azzjoni fil-ħajja ta’ kuljum biex inaqqsu l-iskart tal-plastik u jsiru Wavemakers. Fl-iktar kampanja reċenti tagħha, il-Wave of Change qed tuża l-midja soċjali biex tħeġġeġ liż-żgħażagħ jiġbru tliet biċċiet ta’ skart u jisfidaw lil sħabhom jagħmlu l-istess. 

Ir-Reġina, bħala Kap tal-Commonwealth, qiegħda tirringrazzja lill-voluntiera ta’ ispirazzjoni madwar il-54 nazzjon tal-Commonwealth għad-differenza li qed jagħmlu fil-komunitajiet tagħhom u lil hinn minnha, billi jirrikonoxxu voluntier wieħed minn kull pajjiż tal-Commonwealth kull ġimgħa.

Neil qal hu onorat li jirċievi dan il-premju. Huwa qal li “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li nista’ nispira lil ħafna biex nagħmlu tibdiliet fil-mod kif jittrattaw lill-pjaneta ommna. Verament għandna bżonn nirrispettawha u ladarba nistgħu nitgħallmu nagħmlu dan allura nkunu nistgħu ngawduha fil-potenzjal u l-glorja kollha tagħha.”

Stuart Gill, il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit f’Malta qal: “Jien nirrikonoxxi lil Neil Spiteri bil-premju tal-Commonwealth Point of Ligh ta’ din is-sena. Neil huwa eżempju ta’ dedikazzjoni u determinazzjoni fil-ġlieda tiegħu kontra t-tibdil fil-klima u kwistjonijiet relatati mal-ambjent. L-għawma lejn Malta fi 28 siegħa għandha sservi ta’ ispirazzjoni għal oħrajn biex tkun il-bidla għal dinja aħjar.”