“Huwa l-għalliem u l-ispirazzjoni tiegħi” – Dav.Jr

Ritratt: Facebook/David Meilak

Tħabbret il-mewt tal-podologu David Meilak, missier il-kantant u mużiċist Dav.Jr, li sal-ġimgħa l-oħra konna qed naraw fil-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta. Hu mifhum li huwa miet wara li tilef il-battalja ma’ marda li kien qed isofri minnha għal żmien twil.

Filwaqt li s’issa ma ħarġu l-ebda kummenti mill-kantant żagħżugħ dwar it-telfa ta’ missieru, bosta huma dawk li ħallew messaġġi ta’ kondoljanzi fuq il-midja soċjali. Meilak kien missier ta’ tlieta.

Magħruf sew fl-inħawi tal-Mosta fejn hu serva wkoll bħala Kunsillier mal-Partit Nazzjonalista bejn l-2010 u l-2015. Meilak kien ukoll l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Forum SMEs Partit Nazzjonalista.

Ritratt:Facebook/Dav.Jr

Dav. Jr kemm-il darba rrimarka dwar l-importanza ta’ missieru f’ħajtu u kien iddeskrivih bħala wieħed mill-ħbieb li ma jitlaqx minn ħdejk qabel ma jarak titbissem f’dak il-jum li tkun għaddej minn mumment ħażin.

“Huwa l-għalliem u l-ispirazzjoni tiegħi, u jien kburi li nsejjaħlu wkoll missieri,” kien kiteb Dav.Jr ftit taż-żmien ilu.

Kondoljanzi lill-familja Meilak f’dan il-mument ta’ dieqa.