“Huwa ħażin li wieħed jipprova jfixkel lill-midja” – President ta’ Malta

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca sostniet li huwa ħażin li wieħed jipprova jfixkel lill-midja u saħqet li temmen li l-midja għandha titħalla tagħmel xogħolha.
Fid-diskors tagħha fl-okkażjoni tar-raba’ anniversarju minn mindu ħadet il-ġurament tal-ħatra, il-President tkellmet dwar il-midja fejn tenniet li filwaqt li hija r-raba’ pilastru tad-demokrazija, għandha dejjem tkun edukattiva u informattiva, “bil-għan li twassal il-verità mingħajr ebda parzjalità u preġudizzju”.
“Hemm bżonn li ssir ħidma fuq ir-riforma kostituzzjonali”
Fid-diskors tagħha il-President sostniet li jeħtieġ li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u ssir il-ħidma neċessarja għar-riforma kostituzzjonali li twiegħdet fil-manifest elettorali taż-żewġ partiti.
Hi fakkret li l-poplu kollu għandu jiġi nkoraġġut biex jinvolvi ruħu fil-proċess u għaldaqstant għandu jkun wieħed pubbliku, trasparenti u edukattiv.
“Fl-aħħar sena se nikkonsolida numru ta’ proġetti”
Fl-aħħar sena tal-Presidenza tagħha, Coleiro Preca qalet li qed tħares ’il quddiem sabiex tul is-sena jiġu kkonsolidati numru ta’ proġetti li jinsabu għaddejjin.
Dawn jinkludu r-restawr tal-Uffiċċju tal-President, il-ħidma fuq il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, il-President’s Trust u l-Malta Community Chest Fund Foundation.
“Sodisfatta li l-Presidenti ta’ pajjiżna huma mfakkra wkoll”
Il-President esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li issa l-Presidenti tal-gżejjer Maltin huma mfakkra permezz tal-kmamar statli ġodda li ġew inawgurati riċentament u tliet kmamar statali oħra fil-Palazz ta’ San Anton imsemmija għall-Eks-Presidenti u Presidenti Emeriti. Dan filwaqt li rringrazzjathom għall-ħidma tagħhom.
Ritratti – OPR