“Huwa falz dak li Busuttil allega li għandna x’naħbu” – il-Ministeru tal-Ġustizzja

Il-Ministeru tal-Ġustizzja qal li huwa falz dak li allega l-Membru Parlamentari Nazzjonalista, Simon Busuttil, meta ta x’jifhem fil-Parlament li l-Gvern għandu x’jaħbi.
Ilbieraħ Busuttil waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament qal li l-Gvern ma ssiħibx fl-uffiċċju li għadu kemm twaqqaf tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) għax għandu l-faħam miblul.
L-istqarrija mill-Ministeru tirrimarka li l-EPPO m’għandu x’jaqsam xejn ma’ prosekuzzjonijiet ta’ omiċidji, xi ħaġa li implika Busuttil, iżda għandu l-funzjoni li jgħarbel u jmexxi prosekuzzjonijiet fuq reati li jolqtu l-baġit u interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.
Għalhekk, sostna l-Ministeru, dak li pprova jagħti x’jifhem Busuttil mhuwiex minnu.
Ifakkar li d-deċizjoni li Malta ma tissiħibx f’dan l-uffiċċju kienet ibbażata fuq raġunijiet tekniċi u ttieħdet bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni mmexxija minn Busuttil.
Semma kif dan ġie saħansitra kkonfermat mill-Ispiker, Anġlu Farrugia, wara li membru ieħor tal-Oppożizzjoni kien irrepeta l-implikazzjonijiet inġusti li semma l-istess Dr Busuttil.
“Ir-raġuni li wasslet lil pajjiżna li ma jifformax parti mill-EPPO hi bbażata fuq il-prinċipju ta’ sussisidjarjetà, jiġifieri d-dritt li pajjiż iżomm ċertu oqmsa taħt il-kontroll assolut tiegħu. Din ir-raġuni kienet ġiet aċċettata b’mod unanimu mill-Parlament Malti”, tisħaq l-istqarrija.
Ittemm tgħid li bħal Malta, l-Iżvezja, l-Irlanda, id-Danimarka, il-Polonja, l-Ungerija  u r-Renju Unit mhumiex parti minn dan l-uffiċċju.