“Huwa dritt tat-tfal li titkellmu u huwa d-dmir tal-adulti li nisimgħukom”

Waqt l-ewwel summit tat-tfal fi ħdan il-Commonwealth, bi tħejjija għaċ-CHOGM, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li huwa dritt tat-tfal li jitkellmu u huwa d-dmir tal-adulti li jisimgħu.
Hija ħeġġet lit-tfal biex isemmgħu leħinhom għaliex dan huwa d-dritt tagħhom li jesprimu dak li jħossu, mhux biss għall-ġid tagħhom iżda wkoll għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet tal-futur.
Il-President spjegat kif qatt qabel fl-istorja taċ-CHOGM ma tlaqqgħu t-tfal biex jitkellmu u jipproponu tibdil għall-ġid tas-600 miljun tfal u żgħażagħ fi ħdan it-53 pajjiż fi ħdan il-Commonwealth.
Fost il-proposti li se jitwasslu fil-laqgħa tal-Commonwealth li se jitlaqqa’ f’Malta l-ġimgħa d-dieħla, huma l-proposti li ħarġu fuq il-bullying, liema proposti ħarġu minn proċess ta’ konsultazzjoni li saret mat-tfal fuq is-suġġett mill-Fondazzjoni tal-President tal-ġid tas-Soċjetà.
Is-summit kien inizjattiva bejn Eko Skola, il-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-Soċjetà, u t-Task Force taċ-CHOGM.