Huwa diffiċli taħfer meta tkun imweġġa’ – il-Papa Franġisku

REUTERS/Stefano Rellandini

Il-Papa Franġisku qal li l-Ispirtu t’Alla jagħti fil-bniedem ħajja ġdida, lilu u lill-familtu. Huwa kien qed jindirizza l-folla numeruża li kienet preżenti għall-aħħar quddies għal din iż-żjara ġewwa l-Irlanda. Iż-żjara kienet meqjusa bħala waħda diffiċli, hekk kif l-Knisja Kattolika fil-pajjiż tilfet l-irwol dominanti tagħha wara diversi skandli ta’ abbuż sesswali liema abbuż twettaq mill-membri tal-kleru. Il-Papa iżda ma qagħadx lura milli jindirizza din il-kwistjoni tant sensitiva.

Il-Papa saħaq li l-messaġġ tnissel mil-lealtà u fidi mhux minn tattiċi jew strateġji.

Huwa osserva li huwa diffiċli għall-persuna taħfer meta wieħed iweġġa’ u meta wieħed jaħseb li drittijiet ġew imxellfa minn pereżempju anzjani jew inkella t-tarbija li għadha ma twelditx. Huwa sejjaħ lil dawk li jemmnu biex jerġgħu iġġeddu l-fidi tagħhom fi Kristu.

Iktar kmieni f’Knock

Il-Papa talab għall-maħfra ta’ dawk li ħassewhom imweġġa’ u li kienu vittmi tal-esplojtazzjoni sesswali mill-membri tal-kleru. Huwa deskriva din l-esplojtazzjoni bħala “skandlu u tradiment”. Il-Papa kien qed idur l-Irlanda li għal diversi snin kienet maħkuma minn skandli ta’ abbuż sesswali li ċeknu l-irwol tal-Knisja fis-soċjetà Irlandiża. Din kienet l-ewwel żjara Papali fl-Irlanda wara kważi 40 sena. Il-Papa Franġisku kellu l-opportunità mat-8 persuni li sfaw vittma tal-abbuż mill-kleru, u mill-istituzzjonijiet. Huwa saħaq li se jkun qed jagħmel sforz akbar biex din il-pjaga tiġi eliminata.

Waqt li kien qed jindirizza l-folla huwa saħaq li ma jistgħax ma jemozzjonax ruħu meta wieħed jisma’ l-istejjer ta’ dawk li jkunu soffrew l-abbuż. Huwa qal li l-innoċenza tal-persuna tkun ittieħdet u li persuna tibqa’ immarkata b’din il-weġgħa għall-hajjitha. Il-Papa Fraġisku kien qiegħed f’Knock dalgħodu. Huwa qal li din il-pjaga miftuħa, tisfidana li nkunu iktar sodi u deċisivi fit-tfittxija għall-verità u l-ġustizzja. Huwa qal li jitlob għall-maħfra ta’ dawn id-dnubiet, l-iskandli u tradimenti li ħafna ħasew ġejjin mill-familja t’Alla. Il-folla kbira preżenti rrispondiet biċ-ċapċip għall-kliemu.