“Ħutna fil-Mozambique jsiru korrotti biex jgħinuhom pajjiżi oħra” – Il-Papa Franġisku

Pope Francis kisses a baby at a welcoming ceremony at Zimpeto hospital on the outskirts of Maputo, Mozambique September 6, 2019. REUTERS/Yara Nardi

Read in English.

Il-Papa Franġisku, fi tmiem iż-żjara tiegħu fil-Mozambique, ikkritika lill-politiċi u mexxejja tal-kummerċ li jħallu lill-barranin jikkorrompuhom.

Fl-aħħar ġurnata taż-żjara tiegħu, il-Papa żar sptar ta’ nies morda bl-HIV li titmexxa mill-komunità ta’ Sant’ Eġidju, u mbagħad iċċelebra quddiesa għal daqs 60,000 ruħ fl-istadium nazzjonali ta’ Maputo.

Waqt l-omelija, il-Papa Franġisku tkellem dwar l-erba’ temi prinċipali tal-iżjara tiegħu; il-paċi, il-povertà, il-korruzzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent. Sostna li l-Mozambique huwa pajjiż fejn hemm ħafna wirt kulturali u naturali, iżda ħafna nies jgħixu f’faqar kbir.

“Xi kultant dawk li jidhru li jridu jgħinu jkollhom interessi oħra. Sfortunatament, din tiġri ma’ ħutna mill-istess pajjiż, li jħallu lilhom infushom jiġu korrotti. Hija xiħaġa perikoluża mmens li taħseb li dan huwa l-prezz biex jgħinuk pajjiżi oħra”, qal il-Papa.

Aqra: Il-Papa Franġisku jmur Mozambique biex jikkonsolida l-paċi

L-eks kolonja Portugiża kienet bdiet wara 15-il sena ta’ gwerra ċivili, fl-1992. Kien biss ix-xahar li għadda li l-President Filipe Nyusi u l-mexxej tal-oppożizzjoni Ossufo Momade iffirmaw ftehim permanenti sabiex jieqaf il-ġlied. Intant, hekk kif il-pajjiż joqrob għall-elezzjonijiet ta’ Ottubru, bosta qed jibżgħu li se jkun hemm attakki vjolenti fil-pajjiż.

Manuela Muianga li hija bijoloġista fil-kapitali Maputo qalet li l-Papa ġej fi żmien meta l-poplu qed jipprova jikkonsolida l-paċi. Qalet li l-Kattoliċi jħossu li l-Papa huwa bniedem viżjonarju li jista’ jgħin lil dawn il-persuni jsaħħu t-tama u jinsew dak kollu li jqanqal il-ġlied.