Ħuta tat-tonn iġġib il-prezz ta’ €109,000 f’irkant

Ristorant tas-sushi fil-Ġappun ħallas €109,000 għal ħuta tat-tonn minkejja twissijiet li din il-ħuta qed tirriskja li tinqered għal kollox.
Sid ir-ristorant xtara l-ħuta ta’ 200 kilò f’irkant fil-pixkerija ta’ Tokjo.
Il-prezz kien tliet darbiet ogħla dak li ħallas sena ilu imma ferm inqas minn dak li ħallas fl-2013 meta daħal f’kompetizzjoni ma’ sid ta’ ristorant rivali, fuq ħuta ta’ 222 kilò, li fl-aħħar ġabet il-prezz ta’ €1.21 miljun.
Dan it-tip ta’ tonn hu meqjus bħala ikel prestiġġjuż f’dawn l-inħawi tal-Ġappun u l-Ażja, minkejja li konsevazzjonisti qed iwissu li l-ħafna sajd qed jipperikola t-tkabbir naturali tagħhom.
Hu stmat li fuq l-aħħar 100 sena, 96 minn kull 100 ħuta ta' dan it-tip inqerdu għal kollox.