“Huma dawk biss li kapaċi jservu bl-imħabba, li kapaċi jipproteġu l-ħolqien” – L-ewwel Omelija tal-Papa

Waqt l-Omelija, fil-Quddiesa ta’ Inawgurazzjoni, il-Papa Franġisku tkellem b’mod ċar dwar l-importanza tal-protezzjoni lejn il-ħolqien. Qal li fuq il-passi ta’ San Franġisk t’ Assisi, il-bniedem mhux sempliċiment dak Kristjan, għandu jħossu obbligat li jipproteġi kull ħolqien ta’ Alla inkluż l-ambjent ta’ madwarna.

Quddiem numru ta’ mexxejja ta’ pajjiżi differenti u nies b’responsabbilita’ fid-deċiżjonijiet politiċi, il-Papa Franġisku talab għall-politika ta’ protezzjoni. Talab lill-dawk li għandhom pożizzjoni ta’ responsabbilita’ ekonomika, politika u fil-ħajja soċjali u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba sabiex “ilkoll inkunu protetturi tal-kreazzjoni, protetturi tal-pjan ta’ Alla imnaqqax fin-natura, protetturi ta’ xulxin u tal-ambjent”.

Il-Papa talab sabiex ħadd ma jħalli sinjali ta’ distruzzjoni u l-mewt jakkumpanjaw l-avvanz ta’ din id-dinja. Saħaq li biex wieħed ikun tassew protettur, irid jieħu ħsieb tiegħu innifsu. “Ejja ma nħallux il-mibgħeda, l-għira u s-suppervja jtappnu l-ħajja tagħna”. Li tkun protettur ifisser ukoll li wieħed ikun kapaċi jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu u dak li tgħidlu qalbu għalhiex fi kliem il-Papa, l-emozzjonijiet jistgħu mhux dejjem ikunu intenzjonijiet tajba. “M’għandniex nibżgħu mit-tjubija u t-tnerezza” kompla jgħid Papa Franġisku.

Waqt l-Omelija, l-Papa għamel referenza wkoll għat-tjubija u l-imħabba ta’ San Ġużepp li tiegħu illum qed tiġi ċċelebrata l-festa. Qal li minkejja li San Ġużepp huwa ppreżentat lilna bħala raġel sod u kuraġġuż, jispikkaw fih id-doni tal-imħabba u t-tenerezza.

Qal li fil-bidu ta’ dan il-ministeru ta’ Isqof ta’ Ruma, suċċessur ta’ Pietru, Alla qed jagħti lilu l-poteri li jirgħa l-merħla tiegħu. Qal li l-Papa irid ikun lest jilqa’ b’idejh miftuħa l-emarġinat u l-fqir. Dawk li skont il-Vanġelu ta’ San Mattew, Alla se jiġġudikana dwarhom fil-Ġudizzju Finali. Semma b’mod partikolari ‘l dawk li qed ibatu l-ġuħ u l-għatx, l-emarġinat, l-għeri, l-marid u dawk fil-ħabs. ”Huma dawk biss li kapaċi jservu bl-imħabba, li kapaċi jipproteġu l-kreazzjoni” kompla jgħid il-Papa Franġisku.

Il-Papa temm jgħid li s-servizz tal-Isqof ta’ Ruma li ġie msejjaħ sabiex jaqdi imur id f’id mal-missjoni ta’ kull Nisrani, dak li jipproteġi lill-fqir u lil xulxin sabiex l-istilla tat-tama u l-isperanza ma jieqfu qatt jiddu. Talab sabiex kulħadd jgħożż u jipproteġi l-imħabba li tana Alla.