Qtil Hugo Chetcuti: L-allegat aggressur jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Nicole Borg

Il-Qorti ddikjarat li f’dan l-istadju hemm biżżejjed informazzjoni u evidenza sabiex l-akkużat bil-qtil ta’ l-intraprenditu Hugo Chetcuti jitressaq taħt att ta’ akkuża.

Dan ħareġ mill-kumpilazzjoni tal-evidenza tal-lum fil-konfront ta’ Bojan Cmelik, is-Serb ta’ 35 sena li qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Chetcuti.

Cmelik qed jiġi akkużat li attakka lill-intraprenditur f’San Ġiljan fis-6 ta’ Lulju billi tah daqtejn ta’ sikkina. Chetcuti miet fl-Isptar Mater Dei wara li għamel sitt ijiem jissielet għal ħajtu.

Waqt is-seduta tal-lum, fost ix-xhieda kien hemm Dr Marisa Cassar li ħadet ħsieb l-analiżi tad-DNA. Hi spjegat li mit-testijiet li saru nstabu traċċi tad-DNA ta’ tliet persuni: Chetcuti, Cmelik u terza persuna mhux magħrufa.

Espert tal-Qorti intalab sabiex jieħu l-marki tas-swaba u idejn l-akkużat.

Waqt is-seduta, il-Qorti ġiet mgħarrfa li l-midja lokali bdiet ixxerred il-filmat tas-CCTV li ntwera fil-Qorti dalgħodu stess u għaldaqstant il-Maġistrat Marseanne Farrugia sostniet li dan kien att illegali u ordnat li dawn jitneħħew immedjatament.

Il-filmat tas-CCTV ittieħed minn Bar Native fejn is-suspettat jidher tiela’ t-taraġ ta’ Santa Rita f’Paceville. Fil-filmat Chetcuti deher bilqiegħda daru lejn il-kamera, filwaqt li l-akkużat deher iżomm is-sikkina wara daru. Is-suspettat deher jattakka lil Chetcuti imbagħad ħarab minn fuq il-post.

It-tabib Dr Mario Scerri qal li l-intraprenditur Hugo Chetcuti miet waqt li kien għaddej minn operazzjoni għal pacemaker temporanja.

Dr Scerri, espert tal-Qorti eżamina lil Chetcuti l-isptar kemm qabel, kif ukoll wara l-mewt tiegħu u kien preżenti wkoll għall-awtopsja.

L-espert Dr Scerri, spjega kif il-ferita li ġarrab Chetcuti kienet forma tal-ittra V. Dan ifisser li s-sikkina daħlet ġo Chetcuti, ġiet imdawwra imbagħad inħarġet minn direzzjoni opposta. Dr Scerri qal ukoll li l-ferita taqbel mas-sikkina li nstabet aktar tard fuq l-aggressur.

Dr Scerri spjega wkoll li għamel żmien fejn Chetcuti kien qed jaqleb għall-aħjar u saħansitra kien hemm ħżieb li jitmexxa lejn l-isptar St James Capua. Iżda f’daqqa waħda spjega li saħħtu reġgħet marret għall-agħar.

Il-Qorti osservat ukoll rapporti tal-Pulizija li żewġ uffiċjali mis-sezzjoni tal-forensika fejn eżibixxew numru ta’ ritratti. Qalu wkoll li ma sabux sinjali tas-swaba fuq is-sikkina li nstabet fuq l-akkużat.

Fost ix-xhieda tkellem ukoll l-Ispettur Nikolai Sant li qal li ħu Chetcuti qal li Cmelik mar biex jgħannaq lil Hugo imbagħad attakkah b’sikkina li kien qed iżomm wara daru. Qal li s-sikkina nstabet fuqu aktar tard meta ġie arrestat u kienet twila madwar 19-il ċentimentru. Qal li nstabu fuq wkoll żewġ ċwievet li ġew eżebiti quddiem il-Qorti. Cmelik kien qal lil Sant li ċ-ċwievet kienu tad-dar tiegħu fis-Serbja.

Mill-investigazzjonijiet Sant qal li Cmelik kien qed jgħix ma ħuh f’Tal-Pietà. Qal li kien impjegat f’Bacco’s u Hugo’s Terrace. Hu kien tkeċċa darba għax ma tfaċċax għax-xogħol. Aktar tard kien ingħata xogħol ieħor u eventwalment tkeċċa minħabba l-attitudni tiegħu u xi kunflitti ma’ ħaddiema oħra.

Il-każ se jkompli jistema fl-10 ta’ Settembru.