Każ Hugo Chetcuti: Serb jgħid ‘mhux ħati’ filwaqt li l-operazzjoni rnexxiet

Aġġornata 12:05pm

Wara l-operazzjoni li għadda minnha, il-kundizzjoni ta’ Hugo Chetcuti jidher li qalbet għall-aħjar.

Dan ikkonfermah fuq messaġġ fuq Facebook wieħed mill-ħaddiema ta’ Hugo’s Group fejn qal li l-pass li jmiss għal Chetcuti huwa li jirkupra bilmod.

Is-Serb iwieġeb mhux ħati

Bojan Cemlik, Serb ta’ 35 sena, wieġeb mhux ħati quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri wara li tressaq quddiem il-Qorti dalgħodu. Hu qed jiġi akkużat bl-attentat assassinju ta’ Chetcuti.

X’ġara lbieraħ filgħaxija?

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li fl-10:30pm lbieraħ ġie rrappurtat li kien hemm attakk b’sikkina f’Paceville fuq raġel ta’ 52 sena, residenti San Ġiljan. L-inċident seħħ fi Triq Santa Rita, kantuniera ma Triq San Ġorġ.

Fi stqarrija dettaljata, il-Pulizija spjegat kif is-Serb ta’ 35 sena li allegatament attakka lill-vittma ħarab jiġri minn fuq il-post, azzjoni li wasslet għal tfittxijiet mill-Pulizija tad-Distrett u r-Rapid Intervention Unit (RIU). L-allegat aggressurinqabad aktar tard f’Tas-Sliema.

Il-Pulizija spjegaw kif waqt l-arrest, is-suspettat ma bediex jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra aggredihom u kkawżalhom ġrieħi ħfief. Għaldaqstant il-Pulizija kellha tagħmel użu minn taser sabiex tikkontrolla lir-raġel.

Mit-tfittxija li saret fuqu nstab li r-raġel kien armat b’arma li taqta’ u bil-ponta. Hu ttieħed l-Isptar Mater Dei minħabba xi ġrieħi u wara li ġie rilaxxat ittieħed mill-Pulizija għal aktar stħarriġ.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li ordnat li ssir inkjesta.

Min hu Hugo Chetcuti?

Chetcuti huwa rinomat fil-qasam tad-divertiment, wieħed mill-aktar intraprendituri lokali segwiti fuq il-midja soċjali u huwa sid ta’ numru ta’ klabbs u stabilimenti f’Paceville. Huwa s-sid ta’ Hugo’s Hotel, Hugo’s Tapas, Hugo’s Terrace u Hugo’s Burgers.