Hughes f’riskju li jitkeċċa

Id-diriġenti ta’ Stoke City qed jaħsbu bis-serjetà illi jtemmu ħesrem il-kariga tal-kowċ tagħhom Mark Hughes, wara sensiela ta’ riżultati negattivi illi ħallewhom fiż-żona l-ħamra tal-klassifika.
F’nofs din il-ġimgħa, il-Potters tilfu f’darhom kontra Newcastle bl-iskor ta’ 1-0 sabiex sofrew it-tnax–il telfa staġjonali.
Għalkemm Hughes ilbieraħ deher quddiem il-bord tal-klabb, diversi esponenti fil-klabb qed tibda tmurilhom il-paċenzja, u fid-dawl tal-fatt illi diversi timijiet li bidlu t-tmexxija marru għall-aħjar tista’ ġġiegħlhom jieħdu din id-deċiżjoni iebsa.
Skont is-sit walesonline.com, il-favorit illi jieħu post Hughes huwa Ryan Giggs, illi kien assistent ma’ diversi kowċis f’Old Trafford ma’ Manchester United.
Ġimgħa u nofs oħra Stoke għandhom logħba iebsa meta jiltaqgħu barra minn darhom kontra Manchester United.