Ħu t-tilqima għax l-influwenza se tiggrava

Il-pubbliku hu mħeġġeġ jieħu t-tilqima kontra l-influwenza, li din is-sena hi mistennija tkun qawwija ħafna, bħas-sena li għaddiet. Dan ingħad f’konferenza stampa dalgħodu fejn ġiet imnedija l-kampanja kontra l-influwenza mill-Ministeru għas-Saħħa.

Din is-sena, il-Ministeru ordna madwar 100,000 tilqima li swew €260,000, li mill-15 t’Ottubru se jibdew jingħataw lil dawk li huma prijorità: studenti fi skejjel speċjali; lit-tfal taħt il-5 snin, adulti t’iktar minn 55 sena u persuni b’mard kroniku, kif ukoll lill-membri tal-Korp tal-Pulizija; membri tal-Armata; membri tal-Protezzjoni Ċivili, impjegati taċ-Ċentri ta’ Detenzjoni u Ċentri Miftuħin; impjegati fis-Servizzi Veterinarji, ħaddiema tal-Biċċerija; ħaddiema tad-Dipartiment tat-Tindif; uffiċjali tad-Dwana fl-ajruport u l-port; staff tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-priġunieri.

Dawn jistgħu jieħdu t-tilqim fiċ-ċentri tas-saħħa kollha f’Malta mit-Tnejn sas-Sibt mit-8am sas-1pm tul il-ġimgħa, u sa 12pm nhar ta’ Sibt. Iċ-ċentri tal-Mosta, ta’ Raħal Ġdid u tal-Furjana se jiftħu wkoll bejn is-2.30pm u s-7.30pm.

Is-sena l-oħra, kważi 16.6% tal-Maltin kellhom l-influwenza, minn stħarriġ ta’ każijiet rappurtati. Din ir-rata hi kważi d-doppju ta’ dak mistenni. 450 persuna kellhom jidħlu l-isptar minħabba l-influwenza. Il-Ministru Chris Fearne spjega li kien hemm rekord ta’ 93,000 persuna li ħadet it-tilqim kontra l-influwenza, u qal li jittama li din is-sena jkun hemm numru simili. L-influwenza li l-aktar li tolqot lil Malta hi dik tat-tip A/H3.

Wara s-27 t’Ottubru, it-tilqim se jinfetaħ għall-bqija tal-popolazzjoni bla ħlas, fil-ħinijiet normali taċ-ċentri tas-saħħa. Xi kunsilli lokali wkoll qed jikkollaboraw billi jagħtu t-tilqim miċ-ċentri tagħhom lin-nies vulnerabbli meta dawn jirreġistraw.

L-influwenza tkun fl-agħar tagħha bejn Diċembru u Jannar, għalhekk il-Ministru Fearne insista kemm hu importanti li wieħed jieħu ħsieb saħħtu billi ma jmurx f’postijiet b’wisq nies, u biex it-tfal li jkunu daqsxejn morda ma jmorrux l-iskola. Dr Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, żiedet li hu importanti li min ikollu l-influwenza jaħsel idejh immedjatament wara li jagħfas, u jarmi t-tissue li jkun uża.

Dr Gauci qalet li t-tobba tal-familja se jkunu qed jimmonitorjaw il-mard li hu relatat mal-influwenza li jiltaqgħu miegħu u jirrappurtawh lill-Ministeru għas-Saħħa biex dan ikun ippreparat għall-mewġa tal-influwenza.

It-tilqim miġjub Malta hu dak rakkommandat mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), ta’ żewġ tipi: influwenza A u B.