“Hu nuqqas morali gravi li tieħu mediċina b’xejn u ma tużahiex” – l-Isqof Grech

Fl-ittra pastorali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech sostna li jekk il-ġid materjali jagħżel lill-bnedmin minn xulxin, it-tbatija tpoġġi lill-bniedem f’keffa waħda.

L-Isqof Mario Grech sostna li l-mard huwa waħda mill-għamliet tat-tbatija li tgħakkes lill-bniedem, partikularment il-mard li m’hemmx fejqan għalih u dak kroniku.

L-Isqof t’Għawdex għamel appell għar-responsabbiltà. Hu sostna li kull bniedem għandu d-dritt għall-kura imma spiss jiġri li d-drittijiet tad-dgħajfin isiru drittijiet dgħajfin għaliex, fi kliem l-Isqof, filwaqt li jkunu miktuba f’dokumenti, min hu dgħajjef u ma għandux mezzi, kuntatti jew kapaċità biex jikseb dak li bi dritt huwa tiegħu, ħafna drabi jsir jixbah lil dak il-marid li għal tmienja u tletin sena dam jistenna biex xi ħadd jgħinu jinżel fil-menqgħa ta’ Beteżda, sakemm wasal Ġesù u wasslu għall-fejqan.

Fl-ittra pastorali ntqal li hu fatt pożittiv li f’Malta, is-servizz mediku hu bla ħlas iżda ġie li jiġri li jkun hemm min jabbuża minn din is-sistema hekk kif huwa nuqqas morali gravi li wieħed jieħu mediċina b’xejn biex imbagħad ma jużahiex jew jgħaddiha lil ħaddieħor.

Intqal li l-festa ta’ Santa Marija tfakkar li dan il-ġisem tagħna għalkemm marradi għandu valur etern, tant li Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Billi Marija kellha l-esperjenza tal-mard u l-mewt, tifhem lilna meta ngħaddu minn mumenti iebsin bħal dawn.