Ħu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti – l-IĠM lill-Prim Ministru

Kastilja
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin appella lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet iebsa u serji li għamlet il-Qorti llum fil-każ fejn ġurnalisti qalu li nżammu kontra r-rieda tagħhom f’kamra fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-Qorti llum ħelset minn kull akkuża lit-tliet irġiel li s-sena li għaddiet żammew lill-ġurnalisti milli joħorġu minn Kastilja.

Il-każ ġara fid-29 ta’ Novembru li għadda, qalb il-ħafna protesti li kienu għaddejjin fil-pajjiż b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Erba’ ġurnalisti ma tħallewx joħorġu mill-Berġa ta’ Kastilja għall-ħabta tat-3am wara konferenza stampa tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

L-irġiel inkwistjoni kienu Jody Pisani, Mark Gauci u Emanuel McKay. Huma kienu akkużati li żammew lill-ġurnalisti illegalment. Il-ġurnalisti kienu Monique Agius u Miguela Xuereb minn Newsbook.com.mt, Julian Bonnici minn Lovin Malta u Paul Caruana Galizia, iben Daphne Caruana Galizia.

Fis-sentenza tal-Qorti llum, il-Maġistrat Joe Mifsud iddikjara li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li turi li l-ġurnalisti nżammu illegalment.

Fi stqarrija b’reazzjoni għas-sentenza tal-lum, l-IĠM qal li l-Qorti, kważi b’mod apoloġetiku, illiberat lill-akkużati wara li b’mod emfatiku esprimiet id-dwejjaq tagħha għall-mod kif il-pulizija investigat dan il-każ. “Il-Qorti trid tagħmilha ċara mill-bidu nett li ma hi sodisfatta xejn bil-mod kif tmexxew l-investigazzjonijiet f’dan il-każ,” qal il-Maġistrat.

L-IĠM irrimarka kif fis-sentenza tagħha l-Qorti kkundannat dawn il-fatti:

  • Li r-rapporti li l-ġurnalisti involuti għamlu lill-pulizija meta seħħ l-inċident, ma kinux ippreżentati fil-Qorti u li rapporti oħra ma kinux investigati.
  • Ix-xhieda tal-pulizija kienet kontradittorja għall-filmat tax-xena fejn seħħ il-każ.
  • Il-Pulizija ma ppruvatx issib min għalaq il-bieb tal-kamra u jekk dan kienx imsakkar jew le.
  • Il-Pulizija ma għamlet ebda tentattiv li tikseb il-verżjoni ta’ min organizza l-konferenza tal-aħbarijiet.

L-IĠM qies dawn il-punti bħala indikazzjoni li f’dan il-każ ma saritx tfittxija ġenwina għall-verità. “In-nuqqas ta’ xiehda ma jfissirx li ma kienx hemm arrest illegali u ma kienx hemm provi għax kif qalet l-istess Qorti, il-pulizija naqset milli tagħmel dmirha. Dan hu nuqqas serju u mankanza oħra fis-Saltna tad-Dritt li l-ġurnalisti li jaqdu dmirhom skont il-liġi qed ikollhom jaffaċċjaw,” sostna hu.

L-Istitut tenna li lest jgħin u jikkopera mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mad-Dipartiment tal-Informazzjoni u l-Kummissarju għall-Istandards tas-Saħħa Pubblika kif issuġġeriet il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha.