Hu imperattiv li nassiguraw id-dinjità tax-xogħol fih innifsu

Fl-Enċiklika tiegħu, Populorum Progressio, il-Papa Pawlu VI kien iddikjara li “l-progress ma jistax ikun marbut biss mat-tkabbir ekonomiku imma biex ikun awtentiku jrid iħares lejn il-bniedem sħiħ, il-popli u l-popolazzjonijiet. U billi l-bniedem jiffjorixxi fix-xogħol, id-duttrina soċjali tal-Knisja f’diversi okkażjonijiet insistiet li din hi ċ-ċavetta ewlenija fil-qasam soċjali. Ix-xogħol hu l-kundizzjoni mhux biss biex ikun hemm żvilupp ekonomiku imma wkoll għall-iżvilupp kulturali u morali tal-persuni, tal-familji u tas-soċjetà”.
Il-Papa Franġisku għamel riferenza għal din id-dikjarazzjoni importanti f’messaġġ li bagħat għall-Konferenza Internazzjonali li saret fil-Vatikan il-ġimgħa li għaddiet, li matulha trejdunjonisti minn madwar id-dinja ddiskutew it-tema: “Minn Populorum Progressio sa Laudato si: ix-Xogħol u l-Movimenti tal-Ħaddiema fiċ-ċentru tal-Iżvilupp Integrali Uman”.
Il-Papa qal lid-delegati tal-konferenza li x-xogħol hu ċ-ċavetta għall-iżvilupp uman u spiritwali. Ix-xogħol hu missjoni li permezz tiegħu nikkollaboraw fix-xogħol kreattiv ta’ Alla għax bix-xogħol nikkultivaw u nippreżervaw il-ħolqien, naqsmu fl-ispirtu ta’ Ġesù u l-missjoni tiegħu tar-Redenzjoni għax permezz tal-attività tagħna nsostnu l-familja u ngħinu fil-ħtiġijiet tal-oħrajn. 
Ġesù, li għadda mis-snin tiegħu f’din id-dinja għax-xogħol manwali fil-ħanut tal-mastrudaxxa u mbagħad iddedika l-ħajja pubblika tiegħu biex ifejjaq lin-nies mill-mard, it-tbatija u l-mewt, jistedinna biex permezz tax-xogħol nimxu fil-passi tiegħu. “B’hekk kull ħaddiem hu l-id ta’ Kristu li jkompli joħloq u jagħmel il-ġid”.
Ix-xogħol barra li hu importanti biex il-bniedem jilħaq l-ideal tiegħu hu importanti wkoll għall-iżvilupp soċjali. “Ix-xogħol hu li taħdem mal-oħrajn u taħdem għall-oħrajn u l-frott ta’ din il-ħidma joffri okkażjonijiet biex jinħolqu relazzjonijiet u jsiru skambji.
Kuljum, miljuni ta’ persuni jikkooperaw fl-iżvilupp permezz tal-attività manwali jew intelletwali tagħhom fl-ibliet u l-irħula bix-xogħol sofistikat jew sempliċi tagħhom. Dan kollu hu espressjoni ta’ mħabba vera għall-promozzjoni tal-ġid komuni” kompla l-messaġġ tal-Papa.
Ix-xogħol m’għandux jitqies bħala sempliċi għodda għall-produzzjoni ta’  oġġetti u servizzi iżda billi hu l-pedament għall-iżvilupp, għandu jieħu prijorità fuq kull fattur ieħor ta’ produzzjoni, inkluż fuq il-kapital.
Għalhekk hu imperattiv li niddefendu l-impjiegi u noħolqu oħrajn ġodda u nassiguraw id-dinjità tax-xogħol innifsu.
Madankollu wieħed ma jridx jeżaġera għax ix-xogħol mhux kollox. Hemm ħtiġijiet umani oħra li wieħed irid jikkunsidra u jikkultiva bħalma huma l-familja, il-ħbieb u l-mistrieħ.
Għalhekk hu importanti niftakru li x-xogħol hu għas-servizz ta-bniedem u mhux il-bniedem għas-servizz tax-xogħol. Dan ifisser li ma nistgħux naċċettaw strutturi li jagħmlu ħsara jew jisfruttaw il-bniedem, il-familji, lis-soċjetà jew lid-dinja li ngħixu fiha.
Meta l-mudell tal-iżvilupp ekonomiku ikun ibbażat unikament fuq l-aspett materjali tal-persuna, jew meta l-iżvilupp ekonomiku jibbenefikaw minnu ftit nies biss, jew meta dan ikun ta’ ħsara għall-ambjent, dan jipprovoka karba kemm mill-fqir kif ukoll mill-pjaneta tagħna “li jokorbulna biex nidlu t-triq”. 
Din it-triq biex tkun sostenibbli trid tpoġġi lill-bniedem u x-xogħol fiċ-ċentru ta’ kull żvilupp u tqis il-ħtiġijiet tax-xogħol u l-ambjent. Kollox hu marbut flimkien u aħna rridu nagħtu tweġiba olistika, kompla jinsisti fil-messaġġ tiegħu il-Papa Franġisku.