Ħu ħsieb jekk tmur l-Università; immaniġjar tat-traffiku ġdid

L-istudenti fl-Università ta’ Malta rċevew imejl biex ikunu infurmati dwar l-immaniġjar tat-traffiku ġdid fit-triq li tgħaddi madwar l-Università ta’ Malta minħabba l-proġett ta’ bini ta’ residenza ta’ 690 kamra ġdida li ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar jumejn wara.

L-email, li wasal għand l-istudenti fit-18 ta’ Diċembru ġie mibgħut lil Newsbook.com.mt minn student. F’dan l-imejl l-istudenti ġew infurmati fil-qosor li “s-servizz eletriku essenzjali li jwassal sal-Isptar Mater Dei jgħaddi mill-proġett il-ġdid tar-residenzi”. Għalhekk, kien spjegat li x-xogħol ta’ tħaffir li se jsir fid-daħla prinċipali tal-Università huwa “neċessarju” li jitwettaq.

Bejn il-5 ta’ Jannar u t-28 ta’ Frar, l-istudenti ġew mitluba jużaw l-entratura taż-żona sportiva, u l-entratura l-antika min-naħa ta’ skate park. Il-ħruġ, se jkun “permess biss” mill-entratura prinċipali u min-naħa taż-żona sportiva.