“Hu d-dover tagħna li nieħdu l-vaċċin” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li hu d-dover tagħna li f’dan iż-żmien tal-pandemija nipproteġu lil xulxin u nittrataw lil ħaddieħor b’imħabba. Għalhekk kull min jista’, għandu jieħu l-vaċċin kontra l-Covid-19.

“Hemm bżonn li kull wieħed u waħda minnha, min jista’ jieħu l-vaċċin ma jkun imissu. Dan hu dover. Veru min irid jieħdu l-vaċċin imma huwa dover tagħna li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ ħaddieħor,” spjega Mons. Scicluna.

Dan kien l-appell tal-Arċisqof fl-omelija waqt quddiesa tal-Ewwel tas-Sena mid-Dar tal-Providenza li tiftaħ il-Festa ta’ Ġenerożità li se jsir aktar tard wara nofsinhar li matulha jinġabru fondi għal din id-dar fis-Siġġiewi.

L-Arċisqof qal li f’dan iż-żmien tal-pandemija għandna bżonn iktar il-barka tal-Mulej. “Ibierikhom il-Mulej u jħarishom. Din kienet il-barka li Mosè għallem lis-saċerdot Aaron. Kemm hi ħaga sabiħa li ngħixu l-barka, jiġifieri li l-ġid li ngħixu fil-paċi magħna nnfusna u ma’ ħaddieħor,” spjega l-Arċisqof.

“F’din il-barka hemm il-ħarsien, hemm il-ħniena, l-imħabba u s-sliem u fid-dar tal-Providenza jiġu flimkien,” stqarr  Mons. Scicluna.

L-Arċisqof appella biex illum f’Jum il-Festa ta’ Ġenerożità, nkomplu nħarsu din ir-residenza bħala sinjal li aħna kapaċi nieħdu ħsieb din ir-residenza u lil xulxin.